Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal fil-Parlament, meta ressaq it-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar l-Esplussivi, li l-gvern evalwa n-nuqqasijiet li kien fih l-Att li matul iż-żmien qatt ma ġew koreġuti.
Waħda mill-emendi tinvolvi persuni li jinghtaw il-licenzja biex jaħdmu f’fabbriki tan-nar. Se titbiddel l-istruttura li meta wieħed qabel japplika biex jingħata l-liċenzja, irid jgħaddi mill-evalwazzjoni jekk kellux atti kriminali jew kwistjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet mediċi.
Il-Ministru Farrugia qal li jidher ukoll li , meta tressqet din il-liġi l-ewwel darba, l-leġislatur kellu ħsibijiet ċari imma l-interpretazzjoniji tat-tifsira ta’ triq biddlet l-intenzjoni kollha minn kif kienet ibbażata fuq il-ħsieb oriġinali.
Dan l-aħħar, kien hemm kawża fil-qorti li dawret l-intenzjoni kollha dwar kif l-entitajiet interpretaw il-liġi kif inhi.
Huwa qal li l-emendi issa se jikkjarifikaw terminloġija meta jkun hemm riferenza għal triq u l-130 metru bejn iċ-ċentru tal-magażin mill-abitat.
Hemm ukoll li issa l-Kummissarju tal-Pulizija irid jikkonsulta mal-Awtorità tat-Trasport u mal-Aworità tal-Ippjanar u mhux iżjed mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-PABP. Se jittieħdu wkoll in kunsiderazzjoni t-triqat u mogħdijiet biex l-interpretazzjoni tal-130 metru tkun waħda ġusta.
Il-Ministru Farrugia qal li l-aktar ħaġa importanti hi li l-persuni li jaħdmu f’dal-fabbriki jingħataw taħriġ, u li ma jitħallewx jidħlu fi kmamar tan-nar persuni li m’għandhomx jersqu hemmhekk. Iddaħħal ukoll il-prinċipju li jrid ikun hemm triq li twassal għall-kmamar tan-nar biex ikun hemm aċċess ta’ ambulanzi u inġenzji f’każ ta’ emerġenza wara xi disgrazzja.
Beppe Fenech Adami qal li l-Oppożizzjoni taqbel ma’ dan l-abbozz iżda talab lill-gvern jeżamina l-fatt li fid-deċizjoni tal-qorti xi ħadd rebaħ u allura dan l-inqas ħaġa li jistenna huwa li “joħdulu t-tapit minn taħt saqajh”.
Huwa qal li mill-1882 sal-lum, mietu 172 persuna f’diżgrazzji tan-nar, fosthom 20 f’Għawdex.