Elliot Paul Busuttil ta’ 34 sena ntbagħat disa’ xhur ħabs wara li wieġeb li huwa ħati wara li ġie akkużat li t-Tlieta filgħodu ġewwa San Pawl il-Baħar kellu fil-pussess tiegħu arma li taqta u bil-ponta mingħajr liċenzja tal-Pulizija.
Busuttil qed jiġi akkużat ukoll li kiser l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li ġiet imposta fuqu fit-tmienja ta’ Frar li għadda u li kien riċediv.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Godwin Scerri akkużatu wkoll bi ksur tal-paċi pubblika waqt l-imsemmi reat.
Id-difiża mmexxija mill-avukat Ishmael Psaila talbet lill-Qorti sabiex Busuttil jinżamm Fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli u sabiex jingħata ċ-ċans li jibda programm minħabba l-vizzju tad-droga. Min-naħa tagħha d-difiża ma sabet l-ebda oġġezzjoni dwar dan.
Kien għalhekk li l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella sabet lill Busuttil ħati u kkundannatu disa’ xhur ħabs u multa ta €116. Il-Qorti rrakomandat ukoll li Busuttil għandu jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli.