Waqt il-ftuħ tal-fiera tal-ivvjaġar, l-Amitex, il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar li l-kumpanija tal-Gvern Malta Air Travel issa uffiċjalment ġabet il-liċenzja u hi rikonoxxuta bħala kumpanija ta’ linja tal-ajru.
Il-Ministru Mizzi qal li dan l-iżvilupp huwa importanti għaliex issa bil-mod, il-mod l-assi strateġiċi tal-Airmalta se jgħaddu għand din il-kumpanija tal-Gvern sabiex jibqgħu issalvagwardjati fl-interess nazzjonali.
Il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar ukoll li Paul Bugeja se jħalli l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u minn nhar it-Tnejn li ġej se jsir il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Air Travel.
Sadanittant filwaqt li l-Ministru tat-Turiżmu spjega kif qed tiżdied il-produttività fost il-ħaddiema tal-Airmalta, qal ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jasal ajruplan ieħor u f’Mejju se jasal l-għaxar ajruplan li se jkompli jagħmel l-Airmalta, il-linja tal-ajru tal-Mediterran.
F’dan il-kuntest, iċ-Chairman tal-Airmalta Charles Mangion ukoll tkellem fil-ftuħ tal-fiera tal-Amitex u saħaq li l-Airmalta se jkollha ħmistax -il rotta ġdida biex toffri lil konsumatur.
Il-Ministru Konrad Mizzi tkellem ma’ ONE News dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-liċenzja li kisbet il-kumpanija Malta Air Travel.