Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kellha diskussjoni interessanti u produttiva mal-istudenti tal-EkoSkola li jattendu l-iskejjel primarji u sekondarji kollha f’Għawdex.
Waqt din id-diskussjoni, l-istudenti kellom il-libertà kollha li jsaqsu, jissuġerrixxu u jwasslu l-opinjoni tagħhom lill-Ministru għal Għawdex fuq diversi aspetti li jolqtu kemm lill-istidenti fuq bażi personali, fuq it-tmexxija ta’ Ghawdex in ġenerali, kif ukoll dwar materji iktar ġenerali u l-iskola li jirrapreżentaw.
Il-maġġoranza tal-kummenti kienu fuq il-ħarsien u titjib tal-ambjent fil-gżira Għawdxija, fuq l-indafa pubblika u titjib ta’ faċilitajiet, kemm dawk eżistenti, kif ukoll suġġerimenti aktar usa’ u interessanti ta’ spazji miftuħa għall-familji kollha.
Il-Ministru Caruana semgħet u laqgħet is-suġġerimenti ta’ dawn l-istudenti li iddeskrivithom bħala intelliġenti, qalet li dan jawgura tajjeb biex ikunu l-mexxeja tal-futur. Filwaqt li ħadet nota ta’ kull suġġeriment li issemma u talbet li sa fejn hu possibbli tittieħed azzjoni, il-Ministru Caruana spjegat fid-dettal il-proġetti li bdew mill-ministeru u li huma pjanati li jsiru fil-futur biex ikompli jogħla l-livell tal-kwalità ta’ ħajja tar-residenti Għawdxin. Hi esprimiet sodisfazzjon li l-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex qed tindirizza ħafna mill-punti li tqajjmu mit-tfal, iżda qalet ukoll li trid issir ħafna iktar ħidma.
Għal dan il-għan, il-Ministru Caruana ssuġġeriet ukoll li jinħatar kumitat u li jkun rappreżentat minn student jew studenta minn kull skola biex flimkien mal-Ministeru għal Għawdex jiġu mfassla u ppjanati proġetti u inizjattivi biex jintlaqtu aktar tfal u żgħażagħ. Din il-proprosta ġiet milqugħa b’entużjajmu kbir għaliex huwa l-aħjar mezz li nagħtu l-għodod lill-uliedna li mhux biss isemmgħu leħinhom imma wkoll ikunu parteċipi fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni ta’ proġett b’risq Għawdex u l-Għawdxin. Għalhekk #proġettgħawdex ukoll għandu jsir bis-saħħa taċ-ċittadinazna attiva tat-tfal Għawdxin.
Ritratt: MGOZ