RIF Trust, waħda mill-akbar organizazzjonijiet fid-dinja tal-immigrazzjoni, kkummentat ma’ sit barrani kif il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment u l-Programm ta’ Residenza u Visas ta’ Malta huma tnejn mill-aktar programmi siguri fl-Ewropa biex wieħed jakkwista ċittadinanza jew residenza.Fir-rapport li deher fuq is-sit Arabian Business, l-istess organizzazzjoni, li għandha uffiċini bbażati f’diversi pajjiżi fosthom Dubai, Casablanca, Pariġi u Singapore, faħħret kemm l-IIP u kif ukoll l-Programm ta’ Residenza u Visas fejn fl-istess rapport intqal kif matul dawn l-aħħar għaxar snin, kienu minn tal-inqas għaxar pajjiżi Ewropej li addottaw skemi ta’ residenza jew ċittadinanza b’investiment fosthom Malta, il-Portugall, Spanja, Ċipru, l-Ungerija u l-Bulgarija.
Spjegaw kif sabiex wieħed jikseb ir-Residenza Ewropea, iridu jissodisfaw ċertu kundizzjonijiet fejn uħud mir-rekwiżiti jinkludu “kondotta nadifa, f’saħħa tajba u test kulturali.”
Ir-rapport jispjega kif dawn il-programmi huma limitati għal ammont ta’ nies u li fosthom l-IIP hu programm esklussiv b’numru limitat ta’ applikazzjonijiet.