Wara li qies it-tħassib tar-residenti u ta’ dawk li jivvjaġġaw fl-inħawi tal-bypass tal-Mellieħa, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li nstabet soluzzjoni biex din it-triq ewlenija ma’ jitnaqqsulhiex il-korsiji eżistenti li għandha bħalissa.
Ftit tal-jiem ilu tħabbru pjanijiet imfassla diversi snin ilu sabiex jonqos ir-riskju ta’ inċidenti fil-bypass tal-Mellieħa, arterja ewlenija fir-rotta lejn in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, u għal Għawdex. Permezz ta’ dawn il-pjanijiet, parti minn din il-bypass (Triq Louis Wettinger) kienet se tidjieq minn erba’ korsiji għal tlieta, tnejn fid-direzzjoni taċ-Ċirkewwa u waħda fid-direzzjoni lejn San Pawl il-Baħar.
Il-Ministru Borg f’dawn l-aħħar jiem sema’ u qies it-tħassib tar-residenti Melleħin u ta’ ħafna persuni oħra li jużaw din it-triq. Fl-istess waqt tkellem ukoll mad-deputat parlamentari Mellieħi Clayton Bartolo, u mas-sindku tal-lokalità John Buttigieg, li komplew jispjegaw l-inkwiet tar-residenti. Filwaqt li fehem dawn id-diffikultajiet, talab li l-pjanijiet approvati mill-awtoritajiet fis-snin li għaddew jiġu riveduti, sabiex tinstab soluzzjoni aħjar.
Fil-fatt, periti tad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta, li dalwaqt ser jiffurmaw l-aġenzija ġdida tat-toroq, immodifikaw il-pjanti sabiex jingħelbu d-diffikultajiet eżistenti mingħajr ma tiċkien it-triq. B’hekk, filwaqt li xorta waħda se jiddaħħlu miżuri ta’ ħarsien mill-inċidenti u faċilitajiet aħjar għal dawk li jivvjaġġaw bir-roti jew bil-mixi, it-triq se tibqa’ b’erba’ korsiji, tnejn f’kull direzzjoni, kif inhi bħalissa. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qed jara li dawn il-pjanijiet alternattivi jiġu diskussi mal-awtoritajiet u l-entitajiet kollha konċernati, sabiex din is-soluzzjoni tiġi mwettqa mill-aktar fis.
Il-Ministru Borg irringrazzja lill-periti u lill-uffiċjali oħra li f’qasir żmien poġġew madwar mejda u sabu soluzzjoni fl-aħjar interess ta’ dawk kollha li jużaw din it-triq jew jgħixu fl-inħawi.
“Nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li fil-jiem li għaddew semmajtu leħinkom b’mod ġenwin sabiex din il-ħidma ssir aħjar. Niżgurakom li fejn hemm bżonn nirrevedu l-pjanijiet tal-lum u tal-passat biex ikollna riżultati aħjar, mhux ser noqgħod lura. Nemmen li sfidi u diffikultajiet bħal dawn huma opportunità biex, mingħajr tkaxkir tas-saqajn, naħdmu aħjar u niksbu aktar valur għall-investiment bla preċedent li qed nagħmlu fl-infrastruttura ta’ pajjiżna.”