“In-nuqqas ta’ attenzjoni għall-vuċi taċ-ċittadini Ewropej wassal għal defiċit demokratiku serju fi ħdan l-UE. Għandna nagħtu s-setgħa liċ-ċittadini billi nagħtu informazzjoni prattika u l-għodod xierqa għas-soluzzjoni tal-problemi biex b’hekk innaqqsu t-tkabbir tas-sentiment kontra l-Unjoni Ewropea. Madankollu, biex nagħmlu dan, għandna bżonn nersqu lejn iċ-ċittadini u nsaħħu l-komunikazzjoni tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-UE,” hekk qalet il-MPE Marlene Mizzi fil-Konferenza annwali ta’ din is-sena tal- European Network of Ombudsman.
Il-MPE Marlene Mizzi kien mistiedna minn Emily O ‘Reilly, l-Ombudsman tal-UE, bħala waħda mill-kelliema ewlenija fil-konferenza ta’ din is-sena fi Brussell fil-kapaċità tagħha bħala Viċi President tal-Kumitat PETI, fejn ġew indirizzati għodod differenti ta’ soluzzjoni trans-konfinali disponibbli għaċ-ċittadini. Ghal din id-diskussjoni ta’ livell għoli attendew l-Ombudsmen nazzjonali u kif ukoll l-istakeholders minn madwar l-Ewropa kollha.
Fl-intervent tagħha, l-MEP Mizzi ffokat fuq id-dritt għal petizzjoni lill-Parlament Ewropew fosthom, kif ċittadin iwassal l-ilment tiegħu lill-Ombudsman Ewropew, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u s-Single Digital Gateway. “L-element ewlieni f’dawn il-mekkaniżmi huwa li jippermetti li l-vuċi taċ-ċittadini tinstema’ mill-istituzzjonijiet tal-UE u tinkoraġġixxi demokrazija parteċipattiva akbar,” qalet l-MPE Marlene Mizzi.
“Fix-xogħol tiegħi bħala Membru Parlamentari Ewropew kont rapporteur għan-nom tal-S&D fuq diversi files li jittrattaw għodod ta’ soluzzjoni transkonfinali,fosthom ir-rapport fuq l-Ombudsman Ewropew u r-reviżjoni tas- Citizens’ Initiative u s-Single Digital Gateway. Għaldaqstant jien nemmen li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa l-kumitat parlamentari li huwa l-eqreb taċ-ċittadini tagħna peress li jagħtihom is-setgħa li jressqu lment dirett lir-rappreżentanti eletti tagħhom fil-Parlament Ewropew. L-għajnuna liċ-ċittadini u t-tisħiħ tagħhom bl-għodod adattati għas-soluzzjoni tal-problemi minn dejjem kienet l-għan u l-irwol ewlieni tal-kumitat tal-petizzjonijiet,” qalet l-MPE Mizzi.
“Filwaqt li diġa’ hemm disponibbli firxa estensiva ta’ informazzjoni online, pariri u assistenza għaċ-ċittadini Ewropej, l-għarfien ta’ dawn is-servizzi huwa mill-inqas. Minkejja li nsibu l-mekkaniżmi eżistenti kollha f’posthom, nemmen li ċ-ċittadini ma għandhomx biżżejjed informazzjoni dwarhom. In-nuqqas ta’ għarfien u informazzjoni, flimkien ma’ diffikultà ta’ komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi involuti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kemm f’livell nazzjonali kif ukoll f’livell Ewropew, jiġġenera kumplessità għaċ-ċittadini biex jidentifikaw is-servizz u fehim aħjar tal-kompetenzi differenti, ” qalet Marlene Mizzi.
“Għandna niżguraw li nipprovdu liċ-ċittadini għodod ta’ informazzjoni user-friendly kif ukoll nżidu kuxjenza dwar l-eżistenza ta’ dawn l-għodod u niżguraw li nisimgħu u nirreaġixxu b’mod effiċjenti u f’waqtu għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini. Li nqiegħdu liċ-ċittadini tagħna fiċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea billi nipprovdu l-aqwa opportunitajiet għalihom sabiex iċ-ċittadini stess isemmgħu leħinhom u jipparteċipaw b’mod demokratiku fil-proċess tat-teħid ta ‘deċiżjonijiet huwa prerekwiżit kruċjali għal soċjetà aktar demokratika u parteċipattiva. ” qalet l-MEP Marlene Mizzi.
Iċ-ċittadini għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-UE u dan iseħħ billi nipprovdu opportunitajiet tajbin sabiex iċ-ċittadini stess jinstemgħu u jipparteċipaw b’mod demokratiku fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet huwa prerekwiżit kruċjali għal soċjetà aktar demokratika u parteċipattiva, ” qal il-MEP Mizzi.