Tfajla ta’ 23 sena mill-Iklin tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fi Triq Għajn Rihana f’Burmarrad.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-06:00 ta’ dalgħodu meta t-tfajla kienet qed issuq il-karozza u għal xi raġuni qabdet il-bankina, qaċċtet siġra u baqgħet dieħla f’arblu.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu lill-vittma.
Hija ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġiet iċċertifikata li qed issofri ġrieħi serji, tant li tinsab f’qagħda kritika.
Dwar il-każ infetħet Inkjesta Maġisterjali, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.