Ix-xahar ta’Marzu huwa ddedikat għall-iskreening tal-musrana bil-għan li wieħed jipprevjeni l-mewt bi ħmistax fil-mija.
Dwar dan tkellimna ma’ Anthony Rossi, li permezz tal-invit li rċieva mingħand in-National Screening Unit, qabad il-kanċer fil-musrana fi stadju bikri ħafna, li wasslu biex illum il-ġurnata fieq minn din il-marda, li hija it-tieni l-aktar komuni f’pajjiżna.
Dan huwa Anthony Rossi- li ta’ wieħed u sittin sena b’kumbinazzjoni sar jaf li huwa marid bil-kanċer fil-musrana. F’intervista esklussiva ma’ ONE NEWS Anthony Rossi jirrakkontalna l-istorja tiegħu:
Jiena irċevejt l-iscreening invitation għal bidu armejtha umbaghad wara ħabib tiegħi reġa’ qalli biex nagħmel it-testing- għamiltu t-testing- irriżulta li kelli traċċi tad-demm mal-ippurgar imma fil-każ tiegħi kien li sabuli l-cancer li lħaqtu fil-bidu.
Mill-elfejn u tlettax lil hawn, ta’ kull sena n-National Screening Unit jibgħatu għall-eluf ta’ persuni li l-eta tagħhom tvarja bejn is-sebgħa u ħamsin u t-tmienja u sittin sena sabiex jagħmlu t-test. Sa issa, dan il-Unit irnexxielu jilħaq aktar minn sitta u disgħin elf persuna fejn minn dan in-numru kien hemm mija u erbatax-il persuna marida bil-kanċer fil-musrana.
Anthony Rossi jirrakkonta li permezz ta’ dan it-test laħaq il-kanċer fi stadju bikri.
Il-kanċer fil-musrana hija marda siekta li tiżviluppa bil-mod permezz ta’ felul li jinsab ġol-musrana l-kbira. Il-konsulent fis-saħħa pubblika Dr Stephanie Xuereb spjegat ma’ ONE NEWS li t-test isir permezz ta’ kontenitur li jintbgħat id-dar ta’ min ikun irċieva l-invit:
Kontenitur semplici fejn il-persuna taqbad kampjun żgħir tal-ippurgar u tibagħtulna biex aħna fil-laboratorju infittxu traċċi/demm tal-ippurgar. Min ikollu riżultat pożittiv nirreferuh għal kolonoskopija fejn permezz ta’ dan jiġi identifikat felul li jitneħħa u anke tip ta’ felul li kieku tħallih jiżviluppalek f’kanċer.
Anthony Rossi jappella lill-pubbliku sabiex kull min jirċievi dan l-invit, jaħtaf l-opportunita’ u jagħmel it-test.
Huwa ħafna importanti li ma tarmux l-invitation– għax kieku ma għamiltx it-tieni, kieku l-kanċer kiber ġo fija u laħaq avvanza ħafna u nappella li kull min jirċievi l-invitation jagħmel it-test għax hemmhekk tista tilħaq il-kaner mill-bidu- u ċ-chances huma li ssalva.