B.U. hija rappreżentazzjoni teatrali li ser tittella’ mill-iskola sekondarja tal-Kulleġġ San Benedittu biex tiċċelebra d-Diversità. Din l-attività ser tkun akkumpanjata minn forum biex dawk preżenti mhux biss jgħarfu d-diversità imma jiddiskutuha.
Ir-rappreżentazzjoni teatrali hija produzzjoni oriġinali tal-iskola li nbniet u ssawret waqt il-kors tal-performing arts akkreditat mill-MCAST li qed isir wara l-ħin tal-iskola mill-istudenti tal-istess skola. Din ir-rappreżentazzjoni tagħraf l-abbiltajiet li għandhom l-istudenti u tagħtihom pjattaforma fejn jesebixxuhom. Madanakollu ser tkun ukoll l-ispirazzjoni għad-diskussjoni li ser issir eżattament wara fejn personalitajiet magħrufa ser jingħaqdu flimkien biex jiddiskutu d-Diversità
Il-panel ser ikun magħmul minn Dr Deborah Schembri, Dr Kevin Cutajar, Oliver Scicluna, Gabi Calleja u Andrew ‘Chucky’ Bartolo. Mark Laurence Zammit se jimmodera d-diskussjoni. L-udjenza hija mħeġġa tipparteċipa u tgħid tagħha wkoll.
L-attività li ser issir nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Marzu fis-6.30pm hija miftuħa għal kulħadd u d-dħul huwa b’xejn, bid-donazzjonijiet imorru b’risq Qalb it-Tfal.