Action Planet hija inizjattiva mmexxija mill-istudenti li tinkoraġġixxi u tistimola tfal u żgħażagħ sabiex jaddottaw irwol attiv fil-ħarsien tal-ambjent għall-ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-futur.
L-istudenti se jkollhom l-opportunità li jaħdmu flimkien ma’ għaqdiet non-governattivi u organizzazzjonijiet li b’mod attiv iħabirku sabiex isibu soluzzjonijiet li jagħmlu lil Malta u d-dinja iżjed sostenibbli.
Tagħlim prattiku u esperjenzali se jispirahom sabiex jieħdu deċiżjonijiet konxji dwar l-immaniġġjar tal-iskart u s-sostenibbiltà. Bl-għajnuna tal-workshops, il-viżti fuq il-post, ir-riċerka, il-kollaborazzjoni, l-innovazzjoni u l-espressjoni kreattiva, l-istudenti se jkunu qegħdin jinvestigaw l-isfidi li l-pjaneta qed tħabbat wiċċha magħhom; kemm dawk ambjentali kif ukoll dawk imposti mill-bniedem, u se jippreżentaw soluzzjonijiet fil-forma ta’ riċerka li se tiġi ppreżentata lil sħabhom.
Bi rwol attiv fil-kura tal-ambjent, dawn mistennijin jitgħallmu jirrispettaw, jipproteġu u jedukaw lill-oħrajn dwar l-għażliet tagħhom, prinċiparjament billi jgħinuhom isiru ċittadini dinjin responsabbli.
L-iskejjel u l-kulleġġi se jingħaqdu flimkien sabiex jippreżentaw ir-riċerka tagħhom u inizjattivi ta’ disinn lill-pubbliku f’esebizzjoni interattiva ta’ xahar ġewwa l-Kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt Valletta bħala parti mill-istaġun ta’ Spazju Kreattiv għas-sena 2018.
Id-diskussjonijiet se jkunu l-ħamis 8 ta’ Marzu bejn is-18.00 u s-19.00 u l-ġimgħa bejn is-19.00 u t-20.00 fil-Kavallier ta’ San Ġakbu. Id-dħul huwa b’xejn u l-postijiet huma limitati.