Missier u ż-żewġt uliedu li jokkupaw l-irwol ta’ diretturi u manager fil-kumpanija JF Group rispettivament, ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li ġew akkużati bi traffikar ta’ persuni vulnerabbli mill-Filippini u li allegatament ġew impjegati mal-imsemmija kumpanija.
Peter Formosa ta’ 63 sena flimkien maż-żewġt uliedu Matthew Peter Formosa u Sarah Formosa ta’ 34 sena u 31 sena rispettivament, m’ ammettewx l-akkużi miġjuba kontrihom.
Id-difiża, saħqet quddiem il-qorti li dan mhux każ ta’ traffikar ta’ persuni. B’ wieħed mill-avukati Difensuri, Dr Edward Gatt żied jgħid li Peter, il-missier isofri mill-marda qerrieda tal-lukemia u jieħu diversi trattamenti ta’ kimoterapija u li għalhekk għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest. Dan filwaqt li rrefera għall-każ tal-ħelsien mill-ħabs li sar riċentament minħabba raġuni ta’ saħħa.
Bil-prosekuzzjoni argumentat li minkejja li dawn il-persuni ma ġewx trattati b’vjolenza, dan xorta huwa każ ta’ traffikar ta’ persuni għax minkejja li jkunu mwiegħda l-ġenna tal-art f’ Malta ħafna drabi hekk kif jiġu f’ pajjiżna jispiċċaw f’ sitwazzjoni għar milli kienu.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ma laqetx it-talba tal-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li għad trid tinstema x-xhieda ta’ xi impjegati tal-akkużati.
Intant b’rabta mal-każ, tliet Filippini ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li huma wkoll ġew akkużati bi traffikar tal-persuni fl-istess kumpanija.
Bid-difiża qalet li dawn kienu qed iħeġġu lill sħabhom biex jiġu f’ pajjiżna minħabba l-fatt li kienu qed jgħixu f’ kundizzjonijiet attraenti. Hawn id-difiża argumentat li l-fatt li meta wieħed jissuġġerixxi lill sieħbu biex isib ħajja aħjar f’ pajjiż ieħor, ma jkunx qed jagħmel traffikar uman.
Bil-prosekuzzjoni argumentat li minħabba l-fatt li dawn in-nisa mhumiex ta’ nazzjonalita Maltija, dan jista jwassal biex jaħarbu minn pajjiżna.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti ma laqgħatx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u talbet li t-tlett nisa Filippini jibqgħu miżmuma taħt arrest preventiv.
Intant, każ ta’ persuna oħra li tressqet il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ beda jinstema’ b’bibien magħluqa.