Passio Malta li twaqqfet apposta sabiex ikun hemm leħen għal dawk li huma nvoluti fil-kult tal-Ġimgħa Mqaddsa, fi stqarrija li ħarġet qalet li tixtieq tirreferi għad-diversi kummenti li qed isiru fir-rigward tal-mixja li qed tiġi organizzata fil-lejl bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira.
Rigward il-mixja, Passio Malta ma għandha xejn kontra din l-attivita ħlief il-punt tad-data li fiha tiġi organizzata. F’dan l-istat nistgħu niżvelaw li Passio Malta iltaqgħet mas-Sur Rennie Zerafa f’isem Puttinu Cares li kien talab sabiex ikellimna dwar il-każ . Is-Sur Rennie Zerafa kien qal li l-mixja mhix organizzata minn Puttinu Cares, u iktar minn hekk ma jsibu l-ebda diffikulta biex id-data tinbidel.
Apparti dan, intbagħtet talba informali minn P.Deo Debono osa, Direttur Spiritwali ta’ Passio Malta fuq il-paġna amministrata mill-organizzaturi tal-mixja sabiex jinbdew id-diskussjonijiet u sal-ġurnata tallum, minkejja li l-messaġġ kien moqri ma rċevejna l-ebda tweġiba.
Passio Malta ssostni li hija determinata li tinstab soluzzjoni finali fuq din il-materja u se żżid il-ħidma tagħha f’dan ir-rigward partikolarment fil-jiem li ġejjin. Id-data ssuġġerita tkun il-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd, l-għada tal-pellegrinaġġ Nazzjonali bix-xbieha devota ta’ Ġesu’ Redentur fl-Isla.
Passio Malta tixtieq li ma jsirux kummenti kontra Puttinu Cares jew kontra l-mixja innifisha għax huma t-tnejn jaħdmu għal-ġest nobbli u tappella sabiex tinżamm il-moderazzjoni fil-kummenti li qed isiru fuq dan is-suġġett.
Fl-istess stqarrija, Passio Malta tfakkar ukoll li qed tiġbor informazzjoni għad-direttorju annwali tagħha fejn fih ikun hemm miġbura wirjiet, kunċerti, pageants, purċissjonijiet, dimostrazzjonijiet u anke CDs li għandhom x’jaqsmu mal-kult tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Ritratt: Mixja ta’ Puttinu miġbud minn Iris