Ritratt ta’ tarbija bla ħajja f’idejn ħaddiem tas-salvataġġ Ġermaniż qed tagħfas il-qlub u tqanqal kuxejnza.
L-organizazzjoni Ġermaniża Sea-Watch, li tieħu ħsieb dgħajsa ta’ salvataġġ bejn il-Libja u l-Italja, xerdet dan ir-ritatt onlajn.
It-tarbija ma jidhirx li għandha aktar minn sena. Ittellgħat mill-baħar nhar il-Ġimgħa wara li d-dgħajsa li kienet fuqha għerqet, b’konsegwenza li mietu mill-inqas 45.
“Kienet qisha pupa, b’idejha miftuħa” qal il-ħaddiem li ħaddanha f’dirajgħ.
“Qbadtha minn idejha u ġbidt il-ġisem lejja, u għannaqtha, daqs li kieku kienet għadha ħajja.”
Jgħid li t-tarbija kellha subgħajha miftuħa, biż-żiffa tilgħab magħhom, u x-xemx tiddi fuq għajnejha magħluqa li ddeskrivihom bħala ‘li jilqgħuk, imma bla ħajja’.
Dak li ġabar lit-tarbija, li ried jibqa’ magħruf biss bħala ‘Martin’, huwa missier ta’ tlieta u terapista tal-mużika. Għalhekk irrakkonta li beda jkanta fil-mument li ħaddan lit-tarbija, sabiex jagħmel kuraġġ lilu nnifsu.
“Sitt sigħat ilu, din it-tarbija kienet ħajja,” ħaseb bejnu u bejn ruħu.
Fl-istess operazzjoni salvaw 135 persuna, grazzi għall-operazzjoni ta’ salvataġġ li tidher fir-ritratt. Dawn ittieħdu fil-port ta’ Reggio Calabria, fin-nofsinhar tal-Italja.