Meta l-warda twaqqa’ l-petali tal-ħajja u jibqalha biss ix-xewk tal-imrar, huma biss il-memorji li jfarrġu lil dawk li tant kienu jitgħaxxqu bil-ġmiel tagħha.
Ġmiel li kien rifless fil-persuna ta’ Paul Muscat, kaptan tal-Gozo Channel, li l-ġisem bla ħajja tiegħu nstab f’kamra fil-bajja ta’ Imġarr ix-Xini matul il-jum tal-Ġimgħa.
Deskritt bħala bniedem pożittiv li dejjem ħares lejn il-ħajja b’entużjażmu, Paul kien ukoll bniedem dedikat f’xogħlu, li dejjem xammar il-kmiem, ħadem u qatt ma kaxkar saqajh.
Dan skont dak li qal il-kollega u Kaptan Norbert Spagnol, li ilu jaħdem miegħu mill-elf disa’ mija disgħa u disgħin.Spjega kif “Paul kien bniedem pożittiv, ikun hemm argument ħa jwaqqfu, kien jipprova jgħin lil kulħadd. Ħafna tajjeb fi bniedem wieħed.”
Paul kien dak li ta t-taħriġ lil Norbert, u għaldaqstant il-ħin li qattgħu flimkien fuq ix-xogħol tul is-snin, żviluppa f’relazzjoni ta’ ħbiberija sinċiera.
Hu qal kif “Ix-xogħol tagħna importanti li nkunu tim qisna familja l-crew kollu u ġieli wara x-xogħol ġieli morna nieklu flimkien, ġieli morna ħadna drink flimkien jiġifieri Paul kien qisu ħija, kien qisu missieri ftit minn kollox bħala persuna.”
Paul ħalla din id-dinja id f’id mas-sieħba tiegħu wara li x’aktarx mietu minħabba gass li ħareġ fil-kamra li kienu jgħixu fiha.
Biex wara snin jiġġieled mal-kanċer u kien biss ftit tax-xhur ilu li rebaħ il-battalja, id-destin li ffaċċja l-kaptan Muscat xorta kellu jkun wieħed kiefer.
Spagnol qal li “Fiżikament ħa jkun hawn nuqqas żgur tiegħu għax ħafna nies ħadu minnu peress li wieħed mis-seniors kważi kulħadd tgħallem warajh allura jibqa’ jintiret ix-xogħol tiegħu minn wieħed għall-ieħor.”
Bħalma l-kanzunetta favorita tiegħu tintemm bil-kliem “you’ll never go away”, hekk ukoll il-kollega tiegħu jinsisti li qatt mhu se jintesa; u li l-post tax-xogħol tiegħu qatt mhu se jkun l-istess mingħajru.
“Mhu ħa ninsewk qatt, ħa tibqa’ magħna dejjem hawn fil-fliegu.”