Il-Kummissjoni Ewropea għamlet l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni ta’ skema li minna se jibbenefikaw aktar minn 25,000 żagħżugħ u żagħżugħa, fosthom żgħażagħ Maltin,. Dan hekk kif se jkollhom iċ-ċans li jagħmlu użu mill-Interrail Pass mingħajr ħlas galadarba jagħlqu t-18-il sena.
Il-fergħa eżekuttiva tal-Unjoni Ewropea qablet li talloka €12-il miljun għal dan il-proġett li se jkun qed isir bi prova, fejn hemm ċans li dan l-ammont jiżdied jekk il-Membri Parlamentari Ewropew jiddeċiedu li jestendu dan il-programm biex jilħaq aktar persuni. Sit internazzjonali rrapporta kif il-biljett tal-ferrovija, li jiswa sa’ massimu ta’ €510 għal vjaġġ ta’ xahar, jagħti lok liż-żgħażagħ iċ-ċans li jivvjaġġaw madwar tlettin pajjiż fl-Ewropa bi kważi mingħajr ħlas permezz ta’ 32 rail networks.
Il-Parlament Ewropew ippropona din l-iskema lura fl-2016 sabiex iħeġġeġ aktar żgħażagħ, b’mod partikolari dawk bi dħul baxx, biex jesploraw il-kontinent u jaddottaw “identita’ Ewropea.”
L-ewwel parteċipanti se jivvjaġġaw fis-sajf.
Tibor Navracsics, il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-Edukazzjoni, il-Kultura, għaż-Żgħażagħ u l-Isport saħaq li hi xi ħaġa importanti li ż-żgħażagħ ikollhom dawn it-tip ta’ opportunitajiet sabiex jiksbu aktar esperjenzi lil’hinn mill-pajjiż. Sostna li l-edukazzjoni mhix dak biss li niksbu fl-iskola, iżda tikkonsisti wkoll f’esperjenzi varji li jinkludu esperjenzi f’kulturi differenti u tradizzjonijiet differenti.
Żgħażagħ Ewropej minn kull membru stat huma eliġibbli għal dan il-passaġġ b’xejn. Dan il-passaġġ jaf jintuża ukoll għal mezzi alternattivi ta’ trasportazzjoni, bħall-użu ta’ tal-linja jew traġitti bil-vapur, f’pajjiżi li jinsabu bara mill-Interrail network. Fost dawn il-pajjiż insibu lil Malta, l-Estonja, l-Latvja, il-Litwanja u ċ-Ċipru.