Paul Muscat, missier ta’ disà u ħamsin sena mis-Sannat li huwa kaptan tal-Gozo Channel u s-sieħba tiegħu, Ingliża ta’ tnejn u ħamsin sena nstabu mingħajr ħajja f’kamra fil-bajja ta’ Mġarr ix-Xini f’Għawdex.
One News jinsab informat li x’aktarx il-vittmi mietu wara li ħareġ xi gass minn cooker jew heater fil-kamra fejn kienu joqogħdu. L-ewwel investigazzjonijiet juru li l-koppja x’aktarx ilha mingħajr ħajja mit-Tlieta li għadda.
Kienu l-qraba tal-vittmi li għall-ħabta tas-siegħa u nofs rraportaw in-nuqqas tagħhom mal-pulizija. Rapport li skatta operazzjoni konġunta flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta biex jiġi sgassat il-bieb tal-boathouse fejn kienet tgħix din il-koppja. Bit-toroq tal-inħawi tal-bajja ingħalqu għat-traffiku biex tkun tistà ssir l-investigazzjoni.
Joe Falzon, wieħed mill-kollegi tal-Paul fuq il-vapuri tal-Gozo Channel stqarr magħna li ma jistax jemmen li mhux se jerġa jara lil ħabib kbir tiegħu li kien ilu jaħdem miegħu għal aktar minn tletin sena. Huwa spjega kif il-familjari ta’ Paul talbu lill-kollegi tiegħu tal-Gozo Channel biex jippruvaw jagħmlu kuntatt miegħu, iżda dik it-telefonata qatt ma kellha tweġiba.
PAWLU HUWA WIEĦED MILL-KOLLEGI TIEGĦI ILNA NAĦDMU FLIMKIEN KWAŻI 32 YEARS FLIMKIEN JIĠIFIERI DAĦAL FTIT WARAJJA U QISU BLA ĦSIEB ĊEMPLU LILL-KOLLEGA TIEGĦI XI ĦADD JIĠI FAMILJARI TIEGĦU U PRUVAJNA NIKKUNTATTJAWH U MA BEDIEX IWIEĠEB IL-MOBILE U ĦADNA QATGĦA KBIRA B’DIN L-AĦBAR.
B’Joe stqarr magħna li Paul kellu jirrapporta għax-xogħol il-Ġimgħa, iżda sfortunatament dan il-Kaptan, magħruf għax-xogħol impekkabbli tiegħu mhux se jerġà jkun qed ibaħħar bejn il-fliegu.
KUMBINAZZJONI LBIERAĦ KIEN BIL-LEAVE U LBIERAĦT LURA KIEN BIS-SICK LEAVE ALLURA LLEJLA KELLU JIDĦOL GĦAX-XOGĦOL HU BILLEJL.
Bil-kollega tiegħu, imnikket b’din l-aħbar li ħasditu bħal sajjetta fil-bnazzi, xtaq isellem il-memorja ta’ Paul li fi kliemu kien raġel fuq l-irġiel u warajh ħalla vojt liema bħalu.
PAWLU KIEN RAĠEL FUQ L-IRĠIEL, FUQ IX-XOGĦOL KIEN JIKKOPERA ĦAFNA MA KULĦADD U KIEN ĦABIB MA’ KULĦADD SE NIMMISJAWH ĦAFNA, MA NAFX X’NAQBAD NGĦID IŻJED, M’GĦANDIEX KLIEM GĦADNI BIL-QATÀ.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr J. Vella Cuschieri li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.