Waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, il-Prim Ministru ħa l-opportunità biex isemmi kif fi żmien li ġej, se tkun finalizzata l-idea għat-tip ta’ żvilupp f’Manoel Island li se toħloq bilanċ bejn l-interessi tal-iżviluppatur u anki tal-komunità Gżirjana.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar kif il-Gvern se jindirizza bis-serjetà s-suq tal-kera filwaqt li l-iżviluppaturi ma qagħdux lura biex jgħidu kemm il-ġid ekonomiku li tkattar taħt dan il-Gvern huwa wieħed bla preċedent.
Waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi l-Prim Ministru saħaq li fiż-żmien qasir se titħabbar l-idea għat-tip ta’ żvilupp f’Manoel Island.
“Dan il-proġett se jkun xempju ta’ proġett bilanċjat bejn l-interessi tal-iżviluppaturi u l-komunità tal-madwar”, qal il-Prim Ministru.
Joseph Muscat spjega kif kulma jonqos huwa l-firem tal-partijiet ikkonċernati fejn wara ħafna kontroversja mistenni jintlaħaq qbil finali bejn il-konsorzju MIDI u l-Kunsill Lokali Gżirjan fost l-oħrajn.
Tul l-indirizz tiegħu quddiem l-iżviluppaturi Maltin u Għawdxin il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-White Paper li se joħroġ il-Gvern dwar is-Suq tal-Kera.
Filwaqt li xejjen għalkollox li hemm xi proposta biex il-Gvern jintaxxa l-proprjetà vojta, qal li din il-White Paper għandha l-għan li tindirizza b’mod ħolisitiku kemm l-interessi tas-sidien tal-proprjetà u anki dawk li jikru.
“Jien għalija ħaġa waħda li tfisser din li ż-żewġ naħat tal-munita, żewġ problemi li jidhru tant differenti minn xulxin hija l-predictability tas-suq. Jiġifieri ħa jmur jikri m’għand xi ħadd irid ikollu rasu mistrieħ li għal ċertu perjodu ta’ żmien jista’ jibudgetja u s-sid irid ikollu ċ-ċertezza illi jekk dak il-kuntratt ħa jinkiser m’għandux għalfejn joqgħod jiġri wara s-sistema biex jieħu dak li hu tiegħu.”
Il-Prim Ministru semma kif l-iżviluppaturi qed jagħmlu użu min-numru ta’ skemi fosthom public-private partnerships fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali.
Intant aktar qabel tkellem il-President tal-MDA, Sandro Chetcuti.
Huwa wera x-xewqa li fiż-żmien li ġej jagħti spazju lil ħaddieħor biex imexxi din l-assoċjazzjoni u rrimarka għal aktar minn darba dwar il-klima ekonomika pożittiva li għaddej minnha pajjiżna.
Fi kliemu, l-iżviluppaturi m’humiex ilaħħqu max-xogħol li nħoloq u għalhekk l-industrija li jaħdem fiha qed tkattar aktar ġid.
“Il-Gvern għamel il-parti tiegħu wkoll. Daħħal proposti interessanti bħal l-IIP illi ma kinitx idea tagħna, ikkolaborajna mal-Gvern pero kienet idea kompletament tal-Gvern, inqalgħet kontroversja pero il-Gvern hemm hekk kellu raġun għaliex l-investiment illi ġej minn barra huwa enormi. Qabel kontu tiġu fuqi tgħiduli Sandro tina xi biċċa xogħol, ara forsi tkun taf lil xi ħadd forsi nbigħ hekk, illum niġi fuqkom u intom tgħiduli tivvintalix xogħol għalissa għax lanqas għandna ħaddiema biex naħdmu.”