Tfajla ta’ ħmistax-il sena baqgħet tinżamm arrestata wara li tressqet il-Qorti akkużata li l-ġimgħa li għaddiet ħebbet għal ommha b’sikkina u darrbitha ħafif.
It-tfajla, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġiet akkużata wkoll li kellha fil-pussess tagħha sikkina bla liċenjzja, li ħebbet għal uffiċjali tal-Pulizija u m’obdietx l-ordnijiet tagħhom, u li kissret il-paċi pubblika.
Akkużi li għalihom kollha, it-tfajla wieġbet mhux ħatja. B’dan ir-reat, it-tfajla kissret ordni ta’ probation li kienet ingħatatilha f’Awwissu tas-sena l-oħra. Il-Qorti ordnat li t-tfajla tiġi segwita minn tim professjonali li jfassal pjan adattat għaliha biex tirrijabilita ruħha mill-problemi li għandha.
Il-Qorti ordnat ukoll li l-imputata titpoġġa taħt ordni ta’ probation proviżorju pendenti b’ordni speċifika li ssegwi l-pjan u l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-uffiċjali.