Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela indirizza s-Segment ta’ Livell Għoli tas-37 Seduta Regulari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Magħquda (NM) f’Ġinevra, l-Iżvizzera; l-ewwel darba li ministru għall-affarijiet barranin Malti għamel diskors lil dan il-forum ta’ profil għoli. Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa struttura intergovernattiva ta’ 47 stat fi ħdan is-sistema tan-NM, u huwa responsabbli mill-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet kollha tal-bniedem madwar id-dinja.
“Minn mindu Malta saret membru tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-1 ta’ Diċembru tal-1964, dejjem għażżet bil-kbir l-isforzi ma jaqtgħu xejn biex jissaħħu l-paċi u s-sigurtà globali, li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxu pilastru kruċjali tagħhom”, qal il-Ministru Abela lid-delegati miġburin fil-Palais des Nations tan-NM nhar it-Tlieta, is-27 ta’ Frar 2018. “Dinja mingħajr qafas għad-drittijiet tal-bniedem hija dinja bla ebda rispett għall-essenza nnifisha tal-umanità. Taħt l-amministrazzjoni preżenti, Malta poġġiet id-drittijiet tal-bniedem fuq nett tal-prijoritajiet tagħha fil-livell nazzjonali, filwaqt li huma wkoll il-cornerstone tal-politika barranija tal-pajjiż.”
Filwaqt li spjega kif il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ċivili, politiċi, u soċjali taż-żgħażagħ huma prijorità għal Malta, il-Ministru Abela rrefera għall-fatt li għadu kif ġie approvat abbozz ta’ liġi biex l-età ta’ meta individwu jista’ jivvota titniżżel minn 18 għal 16-il sena. Ittieħdet ukoll inizjattiva biex jitwaqqaf forum għall-mexxejja nisa, għax il-pajjiż huwa mxennaq għal nisa żgħażagħ li lesti jieħdu t-tmun f’idejhom u li l-potenzjal tagħhom f’diversi oqsma jeħtieġ l-ispazju biex jitrawwem u jiffjorixxi.
Il-Ministru Abela qal li demokrazija b’saħħitha u stabbli tiddependi fuq kemm ikunu integrati l-minoranzi tagħha: reliġjużi, razzjali, etniċi, jew ta’ orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru differenti. Għaldaqstant, Malta għandha l-ħsieb li tibqa’ tiffoka fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Huwa nnota li Malta diġà ħadet diversi inizjattivi f’dan ir-rigward, bħall-adozzjoni tal-ewwel strateġija għall-integrazzjoni tal-migranti fl-2017; l-appoġġ tagħha għall-Global Council for Tolerance and Peace, li għadu kif twaqqaf u li huwa bbażat f’Malta; u l-għoti ta’ jeddijiet indaqs lill-persuni LGBTI.
Malta se tibqa’ wkoll bil-qawwa kontra l-użu tal-piena tal-mewt. Barra minn hekk, se tibqa’ ssib modi kif timplimenta s-Sejħa għal Azzjoni biex Jintemmu x-Xogħol Furzat, il-Jasar Modern, u t-Traffikar tal-Bnedmin, li daħlet parti minnha fit-72 Assemblea Ġenerali. Finalment, Malta se tibqa’ wkoll tisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni.
Fil-marġini tal-konferenza f’Ġinevra, il-Ministru Abela kellu laqgħat bilaterali separati mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali Libjan Mohamed Taher Siala; mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Eġittu Sameh Hassan Shoukry; kif ukoll mad-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Qima tal-Costa Rica Alejandro Solano Ortiz; u mal-kandidata ta’ pajjiżu għall-kariga ta’ Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni Laura Thompson.