F’konferenza b’reazzjoni għat-titjib fit-tbassir ta’ żewġ aġenziji ta’ kreditu internazzjonali dwar pajjiżna, il-Ministru tal-Finanzi l-Professur Edward Scicluna, tkellem dwar żewġ fatturi li wasslu biex l-aġenziji għollew ir-rating tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Ministru nnota kif pajjiżna wiret mażra m’għonqu minħabba d-dejn u l-garanziji tal-Gvern li ħalliet warajha amministrazzjoni preċedenti.
Mażra li iżda, bit-tkabbir ekonomiku u l-għaqal fit-tmexxija tal-Gvern, kull ma jmur qed tonqos; biex il-pajjiż ikun jista’ jimxi ’l quddiem b’kunfidenza.
“Qed jgħidulna li dat-tkabbir huwa sostenibbli. M’għandniex għalfejn nibżgħu minnu, mhuwhiex inflazzjonarju, m’hemm l-ebda boom, nibdew nidrawh, naraw li l-infrastruttura tkun addattata għalih imma għandna nkunu b’kunfidenza li l-pajjiż qed jipprovdi xogħol għal kulħadd u anki għall-barranin.”
B’sodisfazzjon, il-Ministru nnota li b’rating eċċellenti ta’ żewġ aġenziji internazzjonali li huma magħrufin kemm janalizzaw bir-reqqa mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, m’għandniex għalfejn nibżgħu mit-tkabbir ekonomiku; fi sfond ta’ inflazzjoni li qiegħda taħt kontroll.
Dawn l-aħħar ċertifikati pożittivi għal pajjiżna waslu f’jum meta l-Ministru tal-Finanzi kien l-Indja f’okkażjoni li bħal oħrajn preċedenti, fiha poġġa lil pajjiżna f’dawl mistħoqq li jiġbed l-attenzjoni ta’ kumpaniji u Gvernijiet bil-għan li jkompli jattira aktar investiment.