Is-sena l-oħra, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità ħadmet fuq total ta’ 988 rapport ta’ allegata diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabilità.
Dan filwaqt li s-sena d-dieħla se jiġu ppreżentati għadd ta’ bidliet leġiżlattivi fil-Parlament, inkluża l-introduzzjoni ta’ panel li għandha twassal f’sistema ta’ rimedju aktar rapida għal rapporti ta’ dan it-tip. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia.
Ġie spjegat li minn dawn, 591 kienu pendenti mis-snin preċedenti filwaqt li 397 ġew ippreżentati matul is-sena taħt reviżjoni. Mill-każijiet kollha ttrattati, kien hemm 107 fejn is-CRPD ma sabet l-ebda diskriminazzjoni.
Minbarra l-ilmenti, is-CRPD ipproċessat ukoll 118-il talba mill-pubbliku għal konsultazzjoni jew parir.
Riforma oħra ppjanata hija marbuta mal-implimentazzjoni tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità, fejn il-Kummissjoni se tieħu r-rwol ta’ awtorità tas-sorveljanza tas-suq, filwaqt li tiżgura li l-oġġetti u s-servizzi koperti mid-direttiva jkunu aċċessibbli għal kulħadd.
Il-Ministru Julia Farrugia qalet li huwa essenzjali li nkomplu nsaħħu l-istrutturi sabiex nirrispondu b’mod aktar effiċjenti għas-sejħiet tal-poplu għall-ugwaljanza.