L-ammont ta’ anzjani jagħmlu użu mis-servizz Meals on Wheels laħħaq 986 sal-aħħar tax-xahar li għadda. Attwalment kull talba hija milquha, u m’hemm ebda applikazzjoni pendenti għal dan is-servizz. Dan ħareġ minn mistoqsija parlamentari li wieġeb il-Ministru reponsabbli mill-anżjanità attiva Jo Etienne Abela.
Filwaqt li fl-2018, kienu 681 l-anzjani jagħmlu użu minn dan is-servizz, dan in-numru żdied gradwalment tul is-snin.
2018: 681
2019: 693
2020: 796
2021: 902
2022 (sal-aħħar ta’ Settembru) 986
L-għan tas-servizz Meals on Wheels huwa li jagħti sapport lil anzjani u persuni oħra li qed jgħixu fid-dar tagħhom imma ma jistgħux jippreparaw ikla. Is-servizz jikkonsisti f’ikla kuljum, li tkun imwassla kiesħa. Dan sabiex l-ikel ikun ikkunsmat fil-ħin li jixtieq il-klijent. Il-menu joffri varjetà ta’ ikliet għal 7 ijiem konsekuttivi. Kull ikla ta’ kuljum tikkonsisti fi starter, il-kors ewlieni u deżerta.
Kull applikant jiġi mistoqsi sett ta’ domandi sabiex jiġi żgurat li s-servizz qed jiġi pprovdut lill-persuni eliġibbli. Għal dan is-servizz, huma eliġibbli anzjani li għandhom 60 sena ’l fuq, jew persuni taħt is-60 sena li għandhom Karta tal-Identità Speċjali valida maħruġa mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD).