Fi tmienja u disgħin fil-mija (98%) tal-każijiet magħluqa mill-Ombudsman fir-rapport għas-sena l-oħra, is-Servizz Pubbliku aġixxa tajjeb u l-każijiet ġew riżolti.
Dan filwaqt li fejn kien hemm rakkomandazzjoni, din ġiet implimentata minnufih.
Dan sostnieh f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar hekk kif ġie spjegat li għar-raba’ sena konsekuttiva l-ebda ilment ta’ l-Ombudsman ma qed jiġi injorant.
Fil-fatt, fl-2020 daħlu totall ta’ tliet mija disgħa u għoxrin każ ġdid filwaqt li kien hemm mija sebgħa u sebgħin każ ta’ qabel l-2020.
Mit-tliet mija disgħa u għoxrin każ li daħlu, mitejn u ħdax ġew riżolti mingħajr il-bżonn ta’ rakkomandazzjoni filwaqt li ħamsa u għoxrin ġew riżolti bir-rakkomandazzjoni li ġiet implimentata.
F’sitt każijiet biss ir-rakkomandazzjoni ma ġietx aċċettata jew implimentata.
Intant mill-erbgħa u sebgħin każ tal-2020 li għadhom pendenti, il-maġġoranza, jiġifieri ħamsin każ kienu pendenti għand l-Ombudsman, tmintax kienu pendenti fuq livell ta’ Ministeri u sitt każijiet jinsabu qegħdin taħt proċeduri legali l-Qorti.
Tlettax-il każ li daħlu fl-2020 ġew ukoll irtirati mill-Ombudsman jew saħansitra minn min għamel l-ilment.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar tkellem ukoll dwar każijiet li kienu baqgħu pendenti qabel l-2020. Fil-fatt, huwa spjega kif ingħalqu disgħa u tmenin każ ieħor mis-snin ta’ qabel.
Dan filwaqt li tmien każijiet li jikkonċernaw is-setturi tas-saħħa, l-infurzar u tal-ispettorati u li kienu temporanjament sospiżi minħabba l-imxija tal-Covid-19, issa ġew ri-attivati.
Hawn ukoll il-Kap taċ-Ċivil innota kif kważi 70% tal-każijiet pendenti qegħdin għand l-Ombudsman.
Dwar dan l-eżerċizzju, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar tenna li hawn għandna xhieda oħra ta’ kontabbiltà u governanza tajba mħaddma fil-prattika.
Irrimarka li għal darb’oħra s-Servizz Pubblika reġa’ wera kemm mhux biss jagħti każ l-ilmenti li jaslu mingħand l-Ombudsman, talli jinvestigahom u jaġixxi fuqhom.
Qal, “Qed nitkellmu fuq 0.003% ta’ dawk il-każijiet imma min naħa l-oħra juru wkoll li s-servizz pubbliku l-klijenti tiegħu huma importanti, il-focus huwa fuq il-klienti tiegħu. Mhux se nwarrbuhom għax huma biss numru żgħir dawk iż-0.003%. Mhux se ngħidu dawn mhux se nagħtu każ ir-rakkomandazzjoni għax kull persuna hija importanti.”