Ta’ kull sena f’Malta ikollna medja ta’ bejn 15 u 20 każ ġdid ta’ kanċer tat-testikolli fost l-irġiel Maltin. Minnhom bejn każ jew tnejn ikunu fatali.
Għaldaqstant, il-Fondazzjoni Marigold bdiet kampanja ta’ għarfien dwar il-kanċer tat-testikolli.
Minn stħarriġ ikkummissjonat mill-Marigold, ħareġ li 98% tal-irġiel Maltin jixtiequ li jkunu jafu kif jeżaminaw lilhom infushom u jkollhom kampanja ta’ għarfien dwar il-kanċer tat-testikoli.
Dan hekk kif terz tal-irġiel Maltin biss, jafu kif jagħmlu eżami tat-testikoli.
L-istatistiku, Vinncent Marmarà stqarr: “Għandna bżonn iktar informazzjoni 98% kwazi l-irġiel kollha f’Malta qalu li hemm bżonn iktar informazzjoni.”
L-istħarriġ, li sar mill-koppja Vincent u Danika Marmarà, sar f’Settembru li għadda ma 400 raġel ġejjin minn kull faxxa tas-soċjetà.
Id-Direttur tad-Direttorat Cancer Care Pathways Danika Marmara spjegat is-sintomi li juru l-ewwel indikazzjonijiet li raġel jista’ jkollu kanċer fit-testikoli.
Hija spjegat kif “Uġigħ fil-parti fost oħra, lump jew waħda tkun ikbar minn oħra u sens ta’ toqol sinjali li jista’ jkollok marda tal-kanċer.”
Qalet li mis-sena li ġejja fiċ-ċentru tal-onkoloġija se jkun hemm infermiera speċjalizzati li se jgħinu lill-pazjenti irġiel morda bil-kanċer tat-testikoli f’kull sens.
Min-naħa tagħha ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, is-Sinjura Michelle Muscat qalet li apparti l-kampanja ta’ għarfien dwar il-kanċer tas-sider, il-fondazzjoni trid li tqajjem aktar kuxjenza dwar il-kanċer tat-testikoli.
Dan filwaqt li l-fondazzjoni tkompli tgħin aktar għaqdiet mhux governattivi u proġetti li minnhom jibbenefikaw fost oħrajn pazjenti morda bil-kanċer.
Is-Sinjura Muscat stqarret “Ngħinu lil NGOs li joffru support u servizz imbagħad nħobb nixtru xi gadget u ngħinu lit-tobba.”
Għal kampanja Movember, il-Fondazzjoni Marigold se torganizza The Movember Rock Ball, fil-Corinthia San Ġorġ, is-Sibt 23 ta’ Novembru.