Il-Prim Ministru Franċiż Edouard Philippe wiegħed li jġib lura għaqda nazzjonali. Dan wara li għar-raba’ tmiem il-ġimgħa konsekuttiv, il-protesti fi Franza, partikolarment fil-kapitali Pariġi, kienu vjolenti.
Tul il-jum tas-Sibt il-Pulizija Franċiża użat il-gass tad-dmugħ u balal tal-lasktu fil-konfront tad-dimostranti fil-protesti.
Kważi 1,000 persuna ġew arrestati mill-pulizija, u kważi 120 indarbu, f’dimostrazzjonijiet li għalkemm kienu inqas vjolenti mill-ġimgħat li għaddew, xorta ma kinux paċifiċi.
Minn naħa tiegħu, il-Prim Ministru Franċiż tenna li jeħtieġ li titkompla d-diskussjonijiet mad-dimostranti paċifiċi, fejn spjega li l-ebda taxxa m’għandha tpoġġi f’riskju l-għaqda nazzjonali.
Kompla jgħid li issa n-nies trid tiġi flimkien, biex ilkoll jibnu l-għaqda nazzjonali permezz ta’ djalogu u ħidma.
Kelliem għall-Ministeru tal-Intern Franċiż ġie kkwotat jgħid li fil-pajjiż kollu, is-Sibt, kienu mal-125,000 il-persuni li ħarġu jipprotestaw, 10,000 minnhom f’Pariġi biss.
Pariġi fejn ix-xeni kienu l-iktar distruttivi, bi twieqi mkissrin, karozzi maħruqa, u ħwienet misruqa.