Sebgħa u disgħin fil-mija tal-pazjenti li rifsu l-għatba ta’ xi waħda mill-erbgħa u għoxrin klinika fil-komunità li hawn f’pajjiżna, jinsabu sodisfatti bis-servizz li ngħataw u l-faċilitajiet li sabu.
Dan ħareġ f’sondaġġ li jsir qabel u wara kull proġett ta’ restawr jew binja ġdida, li jsiru mid-Dipartiment tal-Kura Primarja, bil-għan li jkun hawn stampa ċara tal-effettività tal-proġett u fejn jista’ jkun hemm titjib.
F’intervista ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Kura għas-Saħħa Primarja, Roseanne Camilleri fakkret dawn il-kliniċi fil-komunità kienu jissejħu bereġ, iżda fil-pandemija nbidel il-kunċett u saret trasformazzjoni sħiħa fil-mudell li kien jintuża.
Illum, dawn il-kliniċi għandhom tim multi-dixxiplinarju ta’ professjonisti li qegħdin hemm għas-servizz tal-pubbliku fil-komunitajiet.
Qalet, “Ħa nkomplu naħdmu biex niftħu iktar minn dawn iċ-ċentri, għadna kemm ftaħna klinika ġdida dil-ġimgħa ġol-Iklin. Se jinfetħu oħrajn sal-aħħar ta’ din is-sena, biex nersqu iktar lejn il-poplu biex inkunu qrib tiegħu iktar, biex ikollu servizz ta’ saħħa iktar mill-aqwa, iktar qrib ta’ fejn jaħdem jew fejn joqgħod, biex dejjem inkunu hemm għal dak li jkollu bżonn.”
Dawn is-sondaġġi, li bdew isiru fl-elfejn u tmintax, meta ġew allokati għaxar miljun ewro mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali u l-Gvern Lokali għall-kura primarja, jaraw ukoll is-servizzi fiċ-ċentri tas-saħħa u kemm il-pazjenti huma konxji tagħhom u sodisfatti bihom.
Fl-aħħar xhur saru żewġ sondaġġi dwar iċ-ċentri ta’ Birkirkara u l-Gżira, wara li dawn it-tnejn ġew rinovati u reġgħu nfetħu riċentament – ta’ Birkirkara xahrejn ilu u tal-Gżira s-sena l-oħra.
Fiż-żewġ ċentri kien hemm titjib notevoli fil-livelli ta’ sodisfazzjon mill-pazjenti bil-faċilitajiet li sabu u s-servizzi li ħadu.
Qalet, “Ksibna dak li ridna nilħqu biex aħna nkunu nistgħu dejjem inkunu qrib il-pazjent, nagħtu servizz aħjar, inkabbru l-ekwità tagħna u nersqu qrib fejn irridu mmorru biex inkunu l-ewwel għażla tal-pazjenti.”
L-istrateġija tal-kura primarja tinkludi wkoll il-bini ta’ tliet ċentri ta’ eċċellenza, li dwarhom ukoll saru sondaġġi.
Dawn iċ-ċentri ta’ eċċellenza saru u nfetħu; iċ-ċentru tal-patoloġija tal-lingwa mitkellma mifrux maċ-ċentri tas-saħħa kollha, iċ-ċentru tal-Eye Screening fil-Furjana, u ċ-ċentru tal-Podjatrija f’Birkirkara.
Anki hawnhekk, is-sodisfazzjon tal-pazjenti huwa notevoli ħafna.
U minkejja li l-mira ta’ tliet ċentri ntlaħqet, il-pjan huwa li jinbnew aktar ċentri ta’ eċċellenza madwar il-pajjiż.
Qalet, “Ħa nkomplu nżidu iktar ċentri t’eċċellenza. Għandna ċentru ta’ eċċellenza ppjanat għal meta nagħmlu r-refurbishment fil-Cospicua Health Centre, li dak se jkun fuq l-obeżità u l-wellbeing, u ċentru ieħor se jinfetaħ meta tinfetaħ il-Qormi Health Centre li huwa tad-dijabete, li huwa kunċett ġdid li nitkellmu dwaru aktar ’il quddiem.”