L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, irċeviet mija u għaxar ilment tul l-ewwel sitt xhur tas-sena, li sebgħa u disgħin fil-mija minnhom, ġew solvuti fi żmien għoxrin jum tax-xogħol.
Wieħed u tmenin fil-mija tal-ilmenti li saru bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, kienu dwar servizzi tal-komunikazzjoni elettroniċi, u dsatax fil-mija oħra kienu dwar il-posta.
L-istatistika turi li l-aktar kwistjonijiet komuni marbuta mal-kwalità tas-servizz kienu dwar ħsarat fis-servizz u customer care. Ilmenti oħra saru dwar ir-reception tal-mobile, veloċità tal-internet u installazzjoni.
L-Awtorità rċeviet ukoll erba’ mija u ħamsin talba għall-informazzjoni.
Fi stqarrija flimkien mal-istatistika maħruġa mill-MCA, intqal kif sabiex wieħed jirrikorri għall-assistenza, jista’ jċempel, jikkomunika online b’chat, imur fil-ħwienet u anki b’e-mail.
L-istess Awtorità qalet kif tnejn u sebgħin fil-mija tat-telefonati li rċeviet tul l-ewwel nofs ta’ din is-sena, ġew imwieġba f’temp ta’ ħames minuti.
L-MCA nediet ukoll sit elettroniku ġdid, ‘Telecosts.com’, fejn il-konsumaturi jistgħu jsibu għajnuna biex jagħżlu l-aħjar tariffi għall-bżonnijiet tagħhom, billi jqabblu t-tariffi tat-telekomunikazzjoni offruti minn kumpaniji lokali.
Sa issa, aktar minn għaxart elef persuna żaru dan is-sit.