Twettqet miżura oħra tal-Baġit 2025, hekk kif il-Ġimgħa filgħodu l-Gvern ħabbar il-Programm ta’ Infrastruttura Edukattiva għat-13-il sena li ġejjin.
Għall-ewwel sena biss, l-investiment se jlaħħaq is-€7miljun ewro.
Ix-xogħlijiet f’97 skola tal-istat se jkunu jinkludu tisbiħ, riġenerazzjoni estensiva fuq barra u ġewwa u manutenzzjoni sħiħa favur l-edukazzjoni tal-istudenti.
Dan il-programm tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-edukazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Permanenti Matthew Vella, fil-preżenza tal-ħaddiema kollha tal-id li jwettqu u se jagħmlu dawn ix-xogħlijiet.
Il-Ministru Clifton Grima qal kif dan ix-xogħol mhuwiex sempliċiment ftit żebgħa mal-ħitan jew tiswija sempliċi, iżda riġenerazzjoni sħiħa taż-żoni indikati.