Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin – 97 fil-mija ta’ dawk li għandhom 16-il sena jew iżjed – jafu li, li tarmi l-affarijiet barra, f’postijiet pubbliċi, huwa illegali.
Din l-istatistika ħarġet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, f’isem il-Ministeru responsabbli mill-Ambjent, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ambjent, li jiġi mmarkat kull sena fil-5 ta’ Ġunju.
F’dan l-istħarriġ ħareġ li 92 fil-mija tal-Maltin jikkunsidraw li jixtru prodotti alternattivi b’inqas ippakkeġġjar meta jagħmlu x-xiri ta’ kuljum.
Ħareġ ukoll li, kważi żewġ terzi tal-Maltin wieġbu li għax-xiri ta’ kuljum jużaw basktijiet li jerġgħu jintużaw, u 62 fil-mija qalu li jevitaw milli jużaw basktijiet tal-plastik għax-xiri.
Ħareġ li l-aktar prodotti li jinxtraw u li fihom il-plastik li jintuża darba biss huma l-flixken tax-xorb, li jammontaw kważi 80 fil-mija. Imbagħad, l-ikel ippakkeġġjat jagħmel aktar minn 60 fil-mija filwaqt li 51 fil-mija huma kontenituri.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ ukoll li l-aktar skart innutat mormi fuq ix-xtut huma loqom tas-sigaretti u tazzi tal-plastik. Il-loqom tas-sigaretti ġew innutati minn iżjed min-nofs ta’ dawk li wieġbu f’dan l-istħarriġ.
Ħareġ ukoll li 83 fil-mija tal-Maltin jafu li l-plastik jaffettwa ħażin sew il-ħajja ta’ kreaturi marittimi.
Nofs dawk intervistati jafu bil-kampanja ‘Saving Our Blue’, il-kampanja favur l-indafa fil-baħar ta’ madwarna.