Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tilqa’ b’sodisfazzjoni l-aħbar li Malta klassifikat minn ta’ quddiem f’rapport li janalizza l-kwalità tal-ilma tal-għawm.
Ir-rapport maħruġ mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent sab li 97.7% tal-ilma tal-għawm f’Malta huwa ta’ kwalità eċċellenti. Dan ifisser kważi 13 fil-mija aktar mill-medja Ewropea.
Malta b’hekk ikklassifikat fit-tielet post minn fost 30 pajjiż u Ewropa f’daqqa.
Il-Korporazzjoni saħqet li dan ir-riżultat kien grazzi għall-istandard għoli ta’ infrastruttura u l-impenn tal-ħaddiema f’dan is-settur.
Is-sistema Maltija tad-drenaġġ titratta 67 miljun litru ta’ drenaġġ kuljum filwaqt li kull sena titratta iktar minn 24 litru.
F’Malta għandna network ta’ 1,545 kilometru fejn jinġabar id-drenaġġ filwaqt 4 impjanti fejn jiġi trattat id-drenaġġ.
Dan apparti l-infratruttura estensiva li l-korporazzjoni qiegħda taħdem fuqha. Ħidma li ser issarraf f’sistema b’teknoloġija state of the art li permezz tagħha wieħed ser ikun jista’ josserva jekk kienx hemm elementi ta’ tbagħbis.
Il-Kap Eżekuttiv Ivan Falzon saħaq li dan ir-riżultat huwa ċertifikat ta’ gratitudni lejn id-dedikazzjoni tal-ħaddiema li jimmaniġjaw is-sistema tal-ilma b’tali mod li jkun ta’ benefiċċju għall-ambjent.
Il-Korporazzjoni temmet tgħid li l-infrastruttura tad-drenaġġ hija waħda kumplessa u delikata u għal din ir-raġuni wieħed għandu jagħmel użu minnha b’mod responsabbli.