96 rekluta ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija. 66 raġel u 30 mara temmew b’suċċess kors ta’ tnax-il ġimgħa li fih irċevew taħriġ intensiv fiżiku u akkademiku dwar suġġetti relatati mad-drittijiet fundamentali u mal-etika, mal-liġijiet, mar-regolamenti u mal-policies, ma’ investigazzjonijiet relatati ma’ xeni kriminali, mal-għarfien tat-traffiku, ma’ għarfien dwar reati tematiċi bħas-cybercrime kif ukoll il-kriminalità ekonomika, u mal-funzjoni tal-pulizija komunitarja.
Ir-rekluta Sarah Apap ingħatat il-premju tal-aqwa rekluta u ġiet l-ewwel fit-taħriġ akkademiku. Dan kien is-37 kors tar-rekluti l-ġodda. Iċ-ċerimonja kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia u mill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Il-Ministru Farrugia qal li hu ta’ unur għalih li kien preżenti għaċ-ċerimonja fejn rekluti ġodda ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija. Issa, huma deħlin f’familja ikbar li tħares il-poplu Malti u Għawdxi – familija li tara li ma jkunx hawn affarijiet li jipperikolaw lill-poplu. Parti mix-xogħol sostanzjali ta’ dawn ir-rekluti l-ġodda, spjega l-Ministru, hu li jgħinu fil-ġlieda kontra l-kriminalità u li l-kriminalità ma sseħħx. Għalhekk, importanti naraw aktar pulizija fid-distretti, fit-toroq u f’setturi speċjalizzati, sostna l-Ministru.
Fuq kollox, saħaq il-Ministru Farrugia, ħa ssir enfasi biex l-uffiċjali jingħataw taħriġ regolari. Qal li mhux se jittollera li individwi kemm Maltin, kif ukoll barranin ma jsegwux il-liġijiet ta’ pajjiżna, filwaqt li żied li matul is-sena d-dieħla se nkunu impenjati bl-integrazzjoni tal-persuni li qed jgħixu fostna.
Il-Ministru qal li se jkun spalla ma’ spalla magħhom f’kull kritika inġusta, madanakollu jistenna li l-uffiċjali jagħmlu dak li hu mistenni minnhom. Żied li se jressaq abbozz ta’ liġi għax mhux se jittollera li xi ħadd iweġġa’ lil xi uffiċjali waqt li jkunu qed jaqdu dmirijiethom. Għalhekk, se jiżdiedu l-pieni biex il-pulizija jitħallew jagħmlu xogħolhom.
Fl-aħħar nett il-Ministru Michael Farrugia rringrazzjahom tax-xogħol li jagħmlu u lill-familjari tagħhom għas-sagrifiċċji tagħhom. Appella li issa l-familji tal-uffiċjali għandhom jifhmu l-pożizzjoni tagħhom li jservu fil-Korp u li jkun hemm affarijiet li ma jistgħux jintqalu minħabba li jistgħu jimminaw l-investigazzjoni. “Ħudu l-opportunitajiet biex timxu ’l fuq. Nawguralkom l-akbar suċċess”, ikkonkluda l-Ministru.
Il-Kummissarju Lawrence Cutajar saħaq dwar l-importanza tat-tagħlim u li hu importanti li r-rekluti jkomplu fl-istudju tagħhom fil-liġijiet u f’suġġetti oħrajn relatati mal-pulizija. Fil-fatt, l-amministrazzjoni tal-Korp bħalissa tinsab fil-proċess li tagħmel taħriġ biex il-membri tal-Korp ikunu aġġornati f’diversi suġġetti fit-teorija u fil-prattika ma’ dak li għandu x’jaqsam max-xogħol tal-pulizija. Il-Korp qed jinvesti f’dan it-taħriġ sabiex jitjiebu s-servizzi tal-pulizija fil-komunità.
Il-Kummissarju qal li l-pulizija tad-distretti huma l-ambaxxaturi tal-Korp. Fl-aħħar żmien ingħatat importanza kbira fejn jidħlu d-distretti u saru diversi xogħlijiet ta’ titjib biex iċ-ċittadini jinqdew aħjar. Il-ġurament tal-lum ifisser ġurament ta’ lealtà, ta’ onestà u ta’ integrità lejn ir-Repubblika ta’ Malta u lejn iċ-ċittadini. Il-pulizija għandhom ikunu protetturi tal-vittmi tal-kriminalità, qal il-Kummissarju filwaqt li awgura lill-pulizija l-ġodda.
Fi tmiem iċ-ċerimonja l-kuntistabbli l-ġodda waddbu l-beritta fl-ajru skont it-tradizzjoni.