Fl-Afrika ta’ isfel 955 ħaddiem jinsabu maqbudin ġewwa minjira tad-deheb. Dan wara qtugħ fil-provista tal-elettriku.
Fil-fatt bħalissa għadejja operazzjoni sabiex jinħarġu dawn il-ħaddiema, fejn fost oħrajn qed tiġi ġġenerata enerġija sabiex jitħaddem wieħed mil-liftijiet.
L-Afrika ta’ Isfel hija waħda mis-swieq ewlenin tad-deheb, madankollu s-sigurtà mhijiex xi waħda għolja. Il-Minjira Beatrix għandha 23 livell ekwivalenti għal bejn wieħed u ieħor 23 sular.
Fil-fatt din tinżel elf metru taħt l-art. Ġa la darba jinħarġu l-ħaddiema mistennija jingħataw l-ikel u anke testijiet mediċi. Dan għaliex il-ħaddiema ilhom maqbudin għal siegħat twal.
Matul is-sena elfejn u sbatax kien hemm 80 fatalità f’ minjiri fl-Afrika ta’ Isfel.