Edward Farrugia, ir-raġel li fil-ġimgħat li għaddew kien diġà nstab ħati li ppoża ta’ parker bla liċenzja, nżamm arrestat wara li għal darb’oħra rifes l-għatba tal-Qorti minħabba li allegatament reġa’ nqabad fil-fatt jikkommetti l-istess reat.
Nhar il-Erbgħa, ir-raġel ta’ disgħa u tletin sena ġie arrestat mill-pulizija f’parkeġġ fi Triq in-Nofsinhar fil-Belt wara li kien qed jagħmilha ta’ parker.
Ftit tal-ġimgħat ilu, ir-raġel kien ġie ordnat iħallas multa ta’ ħames mitt ewro u ġie ordnat biex ma jersaqx lejn il-parkeġġ imsemmi għal sitt xhur sħaħ.
Fid-dawl li huwa ġie mixli li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu u li reġa’ kkommetta l-istess reat, il-Maġistrat Anthony Vella ordna li l-akkużat ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest.