Ħamsa u disgħin fil-mija ta’ dawk li ċemplu fuq il-helpline 111 inqdew f’inqas minn minuta.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-Parlament meta ġew diskussi l-estimi finanzjari b’rabta mal-Budget għal dan il-Ministeru.
Qal kif, “F’dawn il-ġranet, il-ġimgħa li għaddiet kellna ġranet fejn fuq il-111 konnha qed nirċivu tnax-il elf telefonata. Tnax-il elf telfeonata f’ġurnata waħda. Bi pjaċir irrid ngħid li jekk inħarsu lejn il-figuri fl-aħħar erba u għoxrin siegħa ħamsa u disgħin fil-mija ta’ dawn it-telefonati ġew imwieġba fi inqas minn minuta.”
Id-Deputat Prim Ministru innota li Malta għandha fost l-inqas rata ta’ mwiet bil-COVID-19.
Saħaq li fil-budget ġew allokati fondi biex isiru l-preparazzjonijiet meħteġa qabel kull pandemija oħra fil-futur.
Il-Ministru spjega ukoll li l-isptar ġdid ‘Is-Sammaritan it-Tajjeb f’San Pawl il-Baħar’ qed jilqa’ tlieta u għoxrin anzjan morda bil-Covid-19 li ttieħdu minn djar għall-anzjani.
Huwa tenna li l-Gvern din il-ġimgħa impjega tletin infermier ġdid u bi ftheim mal-MUMN se jimpjega mitejn infermier ieħor fix-xhur li ġejjin. Qal li dan sar meta din is-sena ddaħħlu mitejn infermier ieħor li ggradwaw f’Malta. Qal li żdiedu l-ħaddiema fit-taqsima għal kura intensiva, l-ITU.
Il-Ministru għas-Saħħa rrimarka li l-politika tal-Gvern hija li s-servizzi tas-saħħa jkunu viċin in-nies fil-komunità.
Qal li dan se jsir permezz ta’ ftuħ ta’ seba’ bereġ ġodda f’pajjiżna.
Fil-Parlament tkellem ukoll id-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis fejn qal kif matul l-elfejn wieħed u għoxrin, se jkunu qed jingħataw iżjed mediċini b’xejn għal dawk bil-kanċer, l-HIV fost oħrajn.
Spjega li, “Se nkunu qed nintroduċu mediċini psikjatriċi ġodda fuq il-formularju tal-gvern. Dan se ikun ikkumbinat ukoll ma’ firxa ta’ servizzi ta’ kura mentali fil-komunità.”