Ħamsa u disgħin punt erbgħa fil-mija tal-Maltin iqisu li l-Malti hu l-lingwija ewlenija tagħhom. Dan skont stħarriġ li sar mill-istatistiku u lettur fl-Università ta’ Malta, Dr Vincent Marmara, dwar il-qagħda tal-lingwa Maltija.
Dan tħabbar waqt konferenza, li ttellgħet mill-Forum Nazzjonali dwar l-Ilsien Malti fil-Palazz Verdala, taħt il-patronċinju tal-President George Vella, fejn ukoll kien preżenti l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.
Fil-preżentazzjoni tiegħu, Dr Marmara qal kif minn dan l-istħarriġ ħareġ li l-maġġoranza assoluta tal-adulti għandhom għal qalbhom il-Malti, tant li jqisuh bħala l-lingwa ewlenija tagħhom.
L-istħarriġ sar bis-sehem ta’ 600 persuna, li għandhom minn 16-il sena ’l fuq u skont id-demografija tal-pajjiż, l-età u l-lokalità tagħhom, bir-riżultat jirrifletti l-fehma inġenerali.
L-istħarriġ wera wkoll kif 12.7% jikkunsidraw l-Ingliż ukoll bħala waħda mil-lingwi ewlenin tagħhom.
Jirriżulta li 95% tal-Maltin jitkellmu bil-Malti ma’ qrabathom, waqt li 13.5% qalu li jikkomunikaw magħhom bl-Ingliż.
Il-maġġoranza ta’ dawk li jitkellmu bl-Ingliż mal-qraba tagħhom, jew 19.8%, joqogħdu fit-Tramuntana tal-Port il-Kbir, f’lokalitajiet bħal Tas-Sliema, il-Gżira, San Ġiljan u s-Swieqi, fost l-oħrajn.
Minn dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ, 68.3% tal-ġenituri ta’ tfal taħt it-18-il sena, ikellmu lil uliedhom bil-Malti, filwaqt li 15.9% jkellmuhom bl-Ingliż u 15.9% jkellmuhom biż-żewġ lingwi.
Ġenituri ta’ bejn is-26 sena u l-45 sena huma l-aktar li wieġbu li wliedhom jifhmu biss bl-Ingliż b’24.3%, b’dawk li joqogħdu fit-Tramuntana tal-Port il-Kbir l-aktar li qalu li wliedhom jifhmu biss l-Ingliż bi 30.4% minnhom.
Il-Ministru Bonnici qal kif il-Malti jintuża wkoll għall-espressjoni artistika u kulturali tagħna, tant li fl-istħarriġ naraw konkorrenza inkoraġġanti mill-Maltin għall-attivitajiet kulturali bil-lingwa Maltija.
Dan hekk kif kważi nofs il-Maltin jattendu attivitajiet kulturali bl-aktar attivitajiet ippreferuti, 53.7%, huma dawk li jkunu bil-lingwa Maltija biss.
L-istħarriġ wera wkoll kif l-aħbarijiet online bil-Malti huma l-iktar imfittxija b’57.7%, filwaqt li kważi 85% tal-Maltin jaqblu li l-barranin li jgħixu Malta għandhom jitgħallmu l-Malti.
Tkellmet ukoll il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, Norma Saliba, li sostniet li l-Malti, il-ħarsien u t-tisħiħ tiegħu, għandu jsir prijorità nazzjonali.