Rapport ikkummissjonat mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA) biex jitkejjel il-livell ta’ sodisfazzjon tal-konsumaturi fis-settur tat-telekomunikazzjoni juri li 94 fil-mija huma sodisfatti bl-esperjenza tagħhom meta jużaw is-servizzi tal-internet, tat-televiżjoni, tal-mowbajl u tat-telefonija fissa.
L-istudju sar mill-kumpanija tar-riċerka Misco International. Ir-riċerka saret f’Lulju ta’ din is-sena u fija ħadu sehem 500 persuna minn 16-il sena ‘l fuq.
Dan l-istudju jkopri diversi stadji li konsumatur jgħaddi minnhom, minn meta jiġi biex jabbona għal servizzi tat-telekomunkazzjoni sakemm jiġi biex itemm is-sottoskrizzjoni tiegħu.
L-aspetti trattati f’dan l-istħarriġ jinkludu, fost l-oħrajn, il-livell ta’ sodisfazzjon tas-servizz li jiġi pprovdut lill-konsumaturi waqt il-proċess tal-abbonament, il-mod ta’ kif jiġu trattati l-ilmenti mill-operaturi tagħhom, it-trasparenza tal-informazzjoni inkluża fil-kuntratti, il-frekwenza tal-ħsarat fis-servizz li esperjenzaw il-konsumaturi, il-livell ta’ sodisfazzjon rigward il-veloċità tal-internet u kemm jaqbad il-mowbajl, il-kontijiet, u l-effiċjenza tal-proċess tat-terminazzjoni tas-servizzi.