Studju dwar l-iskema tat-tapering tal-benefiċċji, li ddaħħlet fl-2014, juri kif din wasslet biex aktar minn 9,000 persuna jtejbu l-livell tal-għajxien tagħhom u jidħlu fid-dinja tax-xogħol, minflok jibqgħu dipendenti fuq l-assistenza soċjali.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta Kullħadd, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd hekk kif ippreżentat ċifri fattwali minn dan l-istudju mill-ekonomista tal-Bank Ċentrali Kurt Sant.
Is-suċċess ta’ din il-miżura jista’ jitkejjel b’mod ċar ħafna meta wieħed iħares lejn in-numru ta’ persuni fuq il-benefiċċji ta’ assistenza bejn l-2005 u l-2013 u bejn l-2014 u l-2022.
Bejn l-2005 u l-2013, snin ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista fejn il-miżura tat-tapering tal-benefiċċji ma kienetx teżisti, in-numru ta’ persuni fuq il-benefiċċji t’assistenza żdied min 12,466 għal 15,145.
Żieda ta’ 2,679 persuna.
F’dan il-perjodu, żdiedu l-aktar dawk li gawdew mill-benefiċċju ta’ ġenituri singli. Hawnhekk kien hawn żieda ta’ 1,485 persuna. Dawk fuq il-benefiċċji soċjali żdiedu b’1,079 persuna filwaqt li dawk bil-benefiċċju tal-qgħad, żdiedu 115-il persuna.
L-aktar sena li fiha ġiet irreġistrata żieda ta’ persuni fuq dawn il-benefiċċji ta’ assistenza kienet l-2013.
Hawn kien hawn żieda ta’ 1,303 persuna.
Madankollu l-folja inqalbet malli daħlet l-iskema tat-tapering tal-benefiċċji taħt Gvern Laburista fl-2014.
Dan hekk kif minn 13,430 persuna fuq il-benefiċċji ta’ assistenza fl-2014, dawn niżlu għal 5,889 fl-2022.
Tnaqqis ta’ 9,256 persuna.
L-akbar tnaqqis ġie rreġistrat fost dawk fuq il-benefiċċju tal-qgħad hekk kif bejn l-2014 u l-2022 dawn il-persuni fuq dan il-benefiċċju naqsu b’4,115.
Kważi l-istess tnaqqis ġie rreġistrat fost dawk il-persuni fuq il-benefiċċju soċjali. Hawn il-persuni naqsu b’4,038.
Aktar kmieni din il-ġimgħa f’konferenza tal-aħbarijiet, l-ekonomista responsabbli mill-istudju fuq din l-iskema spjega kif l-iskema tat-tapering ħalliet l-akbar effett fost ġenituri waħedhom mhux miżżewġin, fejn instab li l-probabbiltà li jsibu impjieg kienet aktar mid-doppju.
Fl-istess waqt benefiċċjarji Għawdxin kienu fost l-aktar li rnexxielhom isibu opportunitajiet ta’ xogħol.