Fis-sena skolastika elfejn u għoxrin, elfejn wieħed u għoxrin, disa’ mija u tnejn u għoxrin student ibbenefikaw mill-iskema tas-Sussidju għall-Istudenti Għawdxin.
Dan b’investiment ta’ miljun, tliet mija u sebgħa u erbgħin elf, tmien mija u wieħed u sebgħin ewro.
Minn dawn kien hemm tlieta u tletin student li bbenefikaw mill-iskema tal-Akkomodazzjoni, b’investiment addizzjonali ta’ kważi tnejn u għoxrin elf u erba’ mitt ewro.
Dan l-istazzjon tkellem mal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri li spjega kif il-Gvern ma waqafx jgħin lil dawn l-istudenti li jaqsmu lejn Malta biex ikomplu bl-istudji tagħhom.
Żied jgħid li wasal fl-aħħar fażi tiegħu x-xogħol fuq Villa Lauri, li mis-sena skolastika li jmiss se tilqa’ l-ewwel studenti.
“Ix-xogħol fuq Villa Lauri li hija propjetà li qed tiġi mibnija mill-Gvern, huwa kważi komplut fejn jidħol xogħlijiet ta’ struttura u issa wkoll ser nibdew bil-finishings sabiex mis-sena skolastika li jmiss jibdew jidħlu l-ewwel studenti jirrisjedu fiha.”
L-istudenti kollha li jistgħu jibbenefikaw minn dan il-proġett, iridu jkunu jmorru f’waħda mill-istituzzjonijiet edukattivi f’Malta.
Apparti studenti, Villa Lauri ser tilqa’ wkoll pazjenti u qraba tagħhom li jiġu Malta biex jieħdu l-kura fl-isptar Mater Dei.