F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon tkellem dwar il-ħidma li saret fis-settur soċjali mill-aspett ta’ teknoloġija u sistemi online.
Spjega li sitta u disgħin punt ħamsa fil-mija tal-pagamenti li jagħmel id-Dipartiment Soċjali jmorru direttament fil-kont u dan inaqqas l-iskariġġ li persuna tkun trid tmur fil-banek biex issarraf iċ-ċekkijiet jew pagamenti.
Dan grazzi għal sistema online li taħdem b’rispett sħiħ lejn il-privatezza tal-individwu u li tassigura li pagament qatt ma jsir tard.
Is-sistema interna hija mħarsa bil-mezzi legali kollha imma tagħraf ukoll l-individwu jekk ikun intitolat għal benefiċċji differenti biex id-dettalji tal-persuni jintalbu darba biss.
Is-sit elettroniku tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jidħlu fih mas-sebgħa u għoxrin elf persuna fix-xahar.
Illum, persuna tista’ tissottometti applikazzjoni għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali billi tuża l-kont tal-e-ID tagħha. Bis-sistema online, is-sena l-oħra ġew sottomessi aktar minn tnax-il elf kopja taċ-ċertifikat blu tal-mard online. Din is-sena, fl-ewwel xahrejn biss, diġà kien hemm aktar minn tlett elef li użaw din l-istess sistema.
Il-Ministru qal li s-sistemi kollha huma sinkronizzati għall-benefiċċju tal-individwi u saħaq li t-tiġdid se jkun kruċjali fiż-żmien li ġej.
Tenna wkoll li min m’għandux il-kapaċità teknoloġija jew aċċess għal dawn is-sistemi, mhux se jkun minsi u fakkar kif l-amministrazzjoni effettiva u effiċjenti tibqa’ fil-qalba tas-servizzi mogħtija.
Il-Ministru Falzon spjega, “L-effiċjenza hija importanti, minbarra li nilħqu n-nies b’aktar benefiċċji, irridu nagħmluha wkoll aktar sempliċi għal dawk in-nies. Kommessi li nkomplu naħdmu biex kemm jista’ jkun ikollna iktar użu tal-elettronika u sistemi diġitali imma importanti wkoll li ma ninsewx lil dawk li forsi m’għandhomx aċċess għal dik l-informazzjoni jew għal dawn is-sistemi.”