Kienu xejn inqas minn 92 l-avukati u prokuraturi legali li ngħataw il-warrant mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Matul iċ-ċeremonja, l-Ministru Bonnici feraħ lill-avukati ġodda kollha u rrimarka li l-professjoni legali hija waħda mill-isbaħ professjonijiet, iżda ġġorr ċerta responsabbiltà. Huwa ħeġġeġ lill-professjonisti ġodda sabiex ma jitilfux l-umiltà u s-sensittività. Il-Ministru sostna li hu importanti li l-avukati jippratikkaw skont il-Kodiċi tal-Etika u li jipproteġu l-kunfidenzjalità u s-sigriet professjonali.
Il-Ministru elenka diversi miżuri li ttieħdu bħala parti mir-riforma ħolistika tal-ġustizzja li tnediet waqt din il-leġislatura. “Fost oħrajn, introduċejna għadd ta’ sistemi teknologiċi moderni fil-qrati tagħna biex nagħtu lill-professjonist u liċ-ċittadin qrati xierqa għas-seklu 21,” qal il-Ministru Bonnici.
Bħala eżempju semma s-sistema li permezz tagħha l-partijiet jiġu infurmati b’SMS kull meta kawża tkun ġiet deferita. Hemm ukoll sistema ġdida fejn id-digrieti maħruġin mill-Qorti Ċivili jintbagħtu b’email lill-avukati. Bonnici sostna li dawn kollha jgħinu sabiex iħaffu ftit mill-ħafna xogħol li jiltaqa’ miegħu kull avukat prattikant.
Il-Ministru Bonnici fakkar li saru kisbiet kbar fejn jidħlu l-kawżi pendenti fil-qrati ċivili u wara ħafna ħidma, pajjiżna beda jara l-frott. Mis-sena 2012 għas-sena 2016, ir-rata ta’ kawżi pendenti quddiem il-qorti ċivili naqset minn 11,533 għal 9,815. Dan iffisser li l-qorti għandha l-inqas ammont ta’ kawżi ċivili pendenti minn kemm ilha tinġabar l-istatistika.
Il-Gvern kompla jaħdem sabiex jinqatgħu kawżi li kienu ilhom pendenti quddiem il-qorti għal snin twal. Mill-2012 ‘l hawn, il-kawżi pendenti miftuħin quddiem il-qorti qabel is-sena 1990 naqsu kważi bin-nofs. Minn dawk li fadal, il-maġġor parti diġà kellhom seduta fl-2017. Il-Ministru sostna li ċ-ċittadin għandu dritt jirċievi sentenza f’ħin raġonevoli.
Għalaq billi saħaq li l-Gvern se jibqa’ jaħdem bi sħiħ fuq ir-riforma tal-ġustizzja sabiex iżid l-effiċenza f’dan il-qasam, għall-benefiċċju tal-professjonist fil-qasam legali kif ukoll għal gwadann taċ-ċittadin.