Illum ħarġu r-riżultati tal-eżamijiet tal-ewwel sessjoni tal-MATSEC li għalihom din is-sena applikaw għalihom aktar minn disat student u studenta. B’kollox dawn laqtu mija u ħames suġġetti differenti, u din kienet ukoll l-ewwel sena li fiha l-istudenti setgħu jpoġġu għall-eżami tas-SEAC.
4,938 student għamlu l-eżamijiet tas-SEC, 15 tas-SEAC u 4,237 qagħdu għall-eżamijiet tal-Matrikola.
L-aktar suġġetti li kien hemm studenti li għamlu l-eżamijiet tagħhom fil-livell avvanzat kienu l-Ingliż, il-Pure Maths u l-Bijoloġija. Fil-livell intermedjarju, is-suġġetti l-aktar popolari kienu l-Ingliż u s-Systems of Knowledge, u fil-livell ordinarju kienu l-Matematika, l-Ingliż u l-Fiżika. issa r-riżultat mistenni jasal għand l-istudenti bil-posta fil-jiem li ġejjin.
Fuq il-midja soċjali l-Prim Minsitru Robert Abela kellu messaġġ ta’ awguri u kuraġġ lil kull min irċieva r-riżultati tiegħu llum, u fakkar li dawn l-eżamijiet saru fi żmien partikolari.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana rringrazzjat lill-Board tal-MATSEC u l-istudenti kollha li stinkaw u għaddew minn sagrifiċċji, kif ukoll lill-edukaturi biex l-istudenti setgħu joqgħodu għall-eżamijiet.
Intant, se jiġu offruti klassijiet ta’ reviżjoni tas-suġġetti ewlenin tas-SEC mingħajr ħlas mill-aħħar ta’ Awwissu, bħala parti mill-iskema Youth Guarantee. Wieħed jista’ japplika għal dawn billi jibgħat email fuq revisionclasses@gov.mt.