Matul dawn l-aħħar sentejn saru 9,106 spezzjoni f’postijiet tax-xogħol minn uffiċċjali tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Dan ħabbritu l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol, l-OHSA, waqt li spegat li dawn l-ispezzjonijiet kienu jvarjaw minn intrapriżi minn mikro sa kbar fis-settur tal-manifattura, tal-kostruzzjoni, kif ukoll tas-servizzi, fost oħrajn.
Bejn Jannar tal-2020 u Diċembru li għadda, inħarġu avviżi ta’ titjib lil kważi terz tal-postijiet tax-xogħol li ġew spezzjonati, jiġifieri ftit aktar minn tlett elef.
Intant f’1,025 post tax-xogħol li ġew spezzjonati, il-perikli preżenti tqiesu serji biżżejjed li setgħu potenzjalment jikkawżaw mewt jew ħsara fiżika serja. F’dawn il-każijiet, l-uffiċjali tal-OHSA ħarġu ordnijiet biex l-attivitajiet tax-xogħol jieqfu immedjatament sakemm is-sitwazzjoni tiġt rimedjata
B’reazzjoni għal dan ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal- Awtorità, Mark Gauci, li ffoka wkoll fuq il-ħruġ tal-multi mill-istess Awtorità fl-aħħar sentejn.
Qal, “Barra minn hekk, l-Awtorità ħarġet aktar minn elf multa; multa amministrattiva li toħroġ l-OHSA mingħajr il-ħtieġa li l-każ jittella’ l-Qorti jew li jibdew proċeduri fil-Qorti. Anke hemmhekk, inbdew mijiet ta’ każijiet ta’ nies li jkunu qed jiksru l-liġi, b’mod partikolari fejn ikun hemm riskji serji li ma jkunux indirizzati u allura jkun hemm il-ħtieġa li dawn in-nies jittellgħu l-Qorti biex jgħaddu minn proċess ġudizzjarju.”
Matul dawn l-aħħar sentejn, l-OHSA ivverifikat ukoll 8,906 rapport ta’ eżaminazzjoni ta’ tagħmir u 3,873 formola ta’ notifika ta’ kostruzzjoni, fost l-oħrajn.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA spjega wkoll kif, fl-aħħar snin, ir-rati relatati mal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol naqsu drastikament. Dan seħħ b’riżultat tal-ħidma sfiqa ta’ infurzar mill-OHSA flimkien ma’ taħriġ kontinwu tal-uffiċjali u kampanja ta’ għarfien favur aktar kuxjenza dwar sigurtà.
Qal, “Matul dawn l-aħħar 10 sena kien hemm tnaqqis sostanzjali kemm fir-rati ta’ fatalitajiet u kemm fir-rati ta’ korrimenti fuq il-post ta-xogħol. Jekk wieħed iħares lejn l-ewwel 10 snin ta’ ħidma u t-tieni għaxar snin ta’ ħidma jinduna li l-medja ta’ inċidenti fatali tniżżlet minn rata ta’ 4 fis-sena għal 2 fis-sena. Fir-rigward tal-inċidenti, naraw l-istess ħaġa.”