Stħarriġ, li sar mill-MISCO b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ juri li persuni li jużaw l-internet u li għandhom smartphone telgħu għal 91%. Żieda ta’ 17% fuq l-2017.
Waqt konferenza fil-Kamra tal-Kummerċ, ġie spjegat kif dan jikkuntasta mal-użu tal-kompjuters li kull ma jmur qed ikompli jirreġistra tnaqqis.
In-nisa huma l-aktar li jużaw l-ismartphones b’95%, imqabbel ma’ 87% fost l-irġiel li jużawhom. Il-faxxa tal-età li l-aktar li tuża smartphone hi dik ta’ bejn il-25 u t-34 sena, segwita minn dik ta’ bejn 35 u 44 sena. L-inqas faxxa ta’ età li tuża smartphone, kif mistenni, hi dik ta’ 55 sena u iżjed, bi 80%.
Ir-raġunijiet primarji wara l-użu tal-internet s’issa fl-2024 huma l-browsing u l-aċċess għall-mezzi soċjali b’96% u 87% rispettivament. L-aċċess għall-mezzi soċjali rreġistra żieda ta’ 10% mill-2017 lil hawn.
Tkellimna ma’ Kirsty Micallef mill-MISCO, li spjegat kif ix-xiri onlajn stabbilizza, madankollu ġiet innotata xejra oħra.
“Rajna wkoll li x-xiri onlajn stabilizza issa, jiġifieri n-nies li qed jixtru onlajn avolja hu persentaġġ kbir u, minn sena għal sena, ilu jikber. Issa din is-sena stabilizza, imma dawk in-nies li qegħdin jixtru onlajn, qegħdin jixtru ħafna iżjed prodotti diversi, servizzi, jiġifieri hemmhekk qed inżidu wkoll.”
Rigward l-użu ta’ apps f’pajjiżna, Micallef spjegat li Facebook u Whatsapp jibqgħu l-aktar popolari.
“Bħalma Malta inġenerali Facebook u Whatsapp huma t-top, ilhom hemm snin, sena wara sena, u huma jibqgħu jirbħu. Whatsapp qed jikber, imma din timxi wkoll mal-iżvilupp ukoll fl-ammont ta’ nies li għandhom smartphone.”
Fil-fatt, 99% ta’ dawk li għandhom smartphone jużaw Whatsapp, filwaqt li 95% jużaw Facebook u Youtube. Facebook Messenger ukoll huwa popolari b’94%.
Dan filwaqt li aktar ma jonqsu l-etajiet ta’ dawk li jużaw l-apps, aktar jiġu popolari apps bħal Instagram u Tiktok.
SOT 3 KIRSTY MICALLEF
SENIOR PROJECT LEADER, MISCO
“L-iżgħar li jkunu n-nies, huma iżjed probabbli li jużaw Instagram, imma mbagħad Facebook fl-etajiet kollha, jiġifieri Facebook hu dak li ħa tolqot lil kulħadd, irrelevanti kemm għandhom żmien, imma mbagħad Instagram hu xi ħaġa iżjed immirata għal dawk li għandhom 35 jew inqas.”
Sadanittant, fid-diskors tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli, sostniet li l-imġieba tal-konsumaturi u x-xejriet fis-suq huma fundamentali għall-filosofija tal-istess Kamra.
Tenniet ukoll l-importanza tad-diġitalizzazzjoni biex negozju jikseb suċċess u għalhekk l-Kamra tal-Kummerċ se tibqa’ taħdem ħalli tipprovdi l-informazzjoni neċessarja u b’hekk in-negozji u l-imprendituri f’pajjiżna jkomplu javvanzaw.