Kważi l-Maltin kollha jaħsbu li l-Gvern qiegħed jilqa’ għas-sitwazzjoni tal-Coronavirus b’mod pożittiv.
Dan joħroġ minn stħarriġ li għamlet it-Times of Malta, li jgħid kif 66% għandhom fehma pożittiva ħafna, filwaqt li 25% għandhom fehma pożittiva, biex total ta’ 91% li jemmnu li l-Gvern mexa tajjeb waqt din il-pandemija.
Mill-istħarriġ joħroġ ukoll li huma 1% biss li jħossu li l-Gvern mhux jilqa’ għas-sitwazzjoni b’mod tajjeb.
L-istħarriġ juri wkoll li fl-aħħar sitt ġimgħat l-appoġġ tal-poplu għal mod kif il-Gvern qed jamministra s-sitwazzjoni tas-saħħa laħħaq iktar minn 90% b’mod konsistenti.
Fuq nota ekonomika, 72% jħossu li l-Gvern qed jamministra s-sitwazzjoni ekonomika b’mod tajjeb ħafna, żieda fuq is-67% irreġistrat fl-aħħar stħarriġ. Dan filwaqt li 35% esprimew fehma pożittiva u 37% fehma pożittiva ħafna.
Il-perċezzjoni pożittiva tan-nies f’Malta żdiedet f’5% meta mqabbel mal-istess stħarriġ li sar ħmistax ilu.
Dan l-istħarriġ juri li l-miżuri li ħa l-Gvern fosthom dawk li ssalvagwardjaw is-saħħa pubblika kif ukoll dawk ekonomiċi, qegħdin jintlaqgħu tajjeb, u jħallu l-frott.