91 skola primarja f’Malta u Għawdex ingħataw premju għas-sehem tagħhom fil-programm ambjentali tal-Bird Life, Dinja Waħda.
Il-programm huwa msejjes fuq ktieb mimli attivitajiet li l-għalliema jistgħu jagħmlu mal-istudenit matul is-sena. Dan bil-ħsieb li fit-tfal titqajjem kuxjenza akbar dwar l-ambjent sa minn ċkunithom. Aktar kemm jagħmlu minn dawn l-attivitajiet, it-tfal aktar jieħdu punti.
L-attivitajiet jinkludu żjarat edukattivi fosthom qalb il-kampanja kif ukoll f’postijiet bħar-riżerva naturali fejn hemm hekk it-tfal kellhom kuntatt dirett f’dan it-tip ta’ abitat.
Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni saret fil-Palazz tal-President fil-Belt fejn sittin skola ingħataw l-unur tad-deheb, żewġ skejjel l-unur tal-fidda u tmien skejjel l-unur tal-bronz.
Ma’ ONE News, uħud mill-istudenti qalulna x’inkoraġġiehom sabiex jipparteċipaw fil-programm Dinja Waħda.
L-Assistent Kap tal-Iskola Primarja f’Ħal Luqa Rita Bonnet qalet li b’dan il-programm li ilu jsir għal aktar minn għoxrin sena, qed iservi sabiex jgħaqqad il-ġenituri u t-tfal mal-edukatur.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca ħeġġet lit-tfal biex isiru ambaxxaturi tas-sostenibilta kemm fid-djar kif ukoll fil-komunitajiet u fl-iskejjel tagħhom. Dan għax għada pitgħada, huma ser ikunu l-mexxeja futuri ta’ pajjiżna u għalhekk, huwa fid-dover tagħhom li jassiguraw li l-wirt naturali jkun imħares u protett.