B’finanzjament ta’ madwar €780,000 fuq medda ta’ tliet snin, il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali ssiġilla ftehim soċjali ieħor ma’ SOS Malta, biex permezz tas-servizz Kellimni.com jagħti appoġġ online fuq bażi personali.
Dan is-sostenn jingħata online b’mod individwali u anke permezz ta’ group therapy. B’kollox se tingħata mad-9,600 siegħa ta’ online mentoring, 800 siegħa ta’ counselling individwali u 80 sessjoni ta’ group therapy.
Minn dan is-servizz jibbenefikaw persuni li jiffaċċjaw esklużjoni soċjali, abbuż, negliġenza, diffikultajiet psikoloġiċi jew li jkunu fi bżonn ta’ appoġġ emozzjonali u morali.
Claudia Taylor-East minn SOS Malta qalet li kull ma jmur dan is-servizz qed jikber u jilħaq aktar nies.
Claudia Taylor-East qalet “Kull tbatija li hemm u li l-persuna qed tgħaddi minnha, Kellimni.com nistgħu nilħquh. Ikollna mad-9,000 user fis-sena, jiġifieri tista’ timmaġina kull chat anke tieħu siegħa biex il-professjonist ikun jista’ jgħin kemm jista’ jkun.”
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, saħaq li s-saħħa mentali hi ta’ importanza kbira, għax kollox idur mal-kapaċitajiet psikoloġiċi u emozzjonali tal-individwu.
Il-Ministru spjega li dan il-Gvern jemmen fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, tant li, fost oħrajn, ta lura l-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, bil-għan li jissaħħaħ il-ħin ta’ kwalità.
Il-Ministru Falzon qal “Kemm hu importanti li naħdmu flimkien biex ngħinu fil-qasam soċjali, għax, fl-aħħar mill-aħħar, ngħixu f’soċjetà waħda, dik Maltija.”