Qabeż id-9,000 in-numru ta’ persuni li applikaw taħt skema li nieda l-Gvern maħsuba biex issewwi inġustizzji li ilhom itulu s-snin. Filwaqt li bħalissa għaddej eżerċizzju bil-għan li jkun analizzat min jikkwalifika taħt din l-iskema, l-ewwel pagamenti mistennija jsiru f’Ottubru. Ikkonferma dan is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Mark Musu.
Din kienet miżura oħra tal-baġit għal din is-sena u għaliha hemm allokati tmien miljun ewro. Ammont ta’ flus li se jintuża fl-ewwel sena tal-iskema li hi maħsuba li tkun estiża fuq numru ta’ snin bl-istess mod kif qed titħaddem l-iskema ta’ rifużjoni għal dawk li ħallsu taxxa żejda fuq il-karozzi. Permezz ta’ pagament kull sena dawn il-persuni jieħdu somma bħala kumpens għal dak li setgħu sofrew tul is-snin.
Fost ħaddiema li applikaw taħt din l-iskema hemm l-eks ħaddiema tal-korpi li kienu qed jagħtu servizz lil dipartimenti tal-Gvern qabel l-1979, iżda li kienu bdew jagħmlu parti misservizz pubbliku wara Jannar tal-1979. Minn dawn applikaw 6,000 persuna. Għal snin twal dawn in-nies ilmentaw minn inġustizzji marbuta mal-pensjoni tagħhom u filwaqt li ġew injorati minn gvern wara ieħor, għażlu li jibdew jieħdu passi legali bil-għan li jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt.
Applikaw ukoll madwar 2,700 persuna li huma jew kienu uffiċ- jali tal-korp tal-pulizija fir-ranks ta’ kuntistabbli, surġent jew surġent maġġur li ma tħallsux għall-overtime li għamlu bejn l-1 ta’ Jannar 1993 u l-31 ta’ Diċembru 2009. Din ukoll hi kwistjoni li ilha għaddejja u wara snin ta’ diskussjonijiet ma’ gvernijiet Nazzjonalisti, Lawrence Gonzi, eks Prim Ministru, kien qal li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jkun li dawn il-pulizija m’għandhom jieħdu xejn. Eks ħaddiema tax-xatt li kellhom liċenzja biex jaħdmu bejn l-4 t’April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2009 ukoll huma parti minn din l-iskema. Minn dawn applikaw 600 persuna.
Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Socjali kien maħtur biex jimplimenta din il-miżura. Kien għalhekk li nħatar bord immexxi minn Mark Musu, b’rappreżentanti mill-Ministeru għall-Finanzi, il-Ministeru għat-Transport u l-Infrastruttura kif ukoll il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Ix-xogħol ta’ dan il-bord kien proprju li jikkonsulta sa fejn hu possibbli dawk milquta u janalizza fid-dettall is-sitwazzjoni sabiex jinħoloq mekkaniżmu li permezz tiegħu l-fondi jkunu allokati kif suppost.
Wara proċess ta’ analiżi, il-bord jiffinalizza l-proposti, jara liema huma dawk li għandhom jingħataw prijorità u jikkwantifika s-somma li se tkun assenjata lill-benefiċjarji ta’ kull kategorija li semmejna sal-aħħar kwart ta’ din is-sena. Il-pagamenti se jkunu eżentati mit-taxxa. Kull applikazzjoni li tkun rifjutata se jkun hemm ċans għal appell quddiem Bordijiet ta’ Reviżjoni, liema deċizjoni tkun finali. Dawk li ma jkunux ibbenefikaw taħt l-ewwel skema, għal xi raġunijiet li joħorġu mill-kundizzjonijiet tal-iskema, isiru eleġibbli taħt eżempju l-iskema tat-tieni sena li jkunu jridu japplikaw għaliha u jsir il-proġett ta’ verifika. Jekk ikunu intitolati jingħataw dak li hu dovut lilhom.