Aktar minn 900 persuna, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa, ser jibdew jieħdu l-pensjoni kontributorja għall-ewwel darba.
Dan grazzi għall-miżura ta’ Gvern Laburista fil-Budget għal din is-sena, li tirrikonoxxi dawk il-persuni li ħallsu minn tal-inqas għaxar snin bolol iżda ma kienux intolati biex jirċievu l-pensjoni kontributorja għax ma ħallsux bolol minn Jannar 1979 ’l quddiem.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon, fejn ġew spjegati l-miżuri tal-Budget 2022 li se jidħlu fix-xahar ta’ Marzu.
Il-Ministru spjega li minn dan ix-xahar ukoll daħlu fis-seħħ konċessjonijiet ġodda għal persuni li jkunu jridu jħallsu bolol neqsin li għandhom.
FIl-konferenza, anke kif imħabbar fid-diskors tal-Budget f’Ottubru li għadda, intqal li dawk il-pensjonanti tas-servizz li għandhom aktar minn tnejn u sebgħin sena jew li matul din is-sena jagħlqu tnejn u sebgħin sena ser igawdu minn aktar titjib fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom.
Hawn intqal kif minn dan ix-xahar ser tiżdied għal darb’oħra b’€200 l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi injorat fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali biex b’hekk is-somma issa telgħet għal tlett elf u sitta u sittin ewro.
Il-Ministru Falzon ħabbar ukoll li minn Marzu madwar 3,200 anzjan jew anzjana li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari saru eliġibbli awtomatikament għall-għajnuna medika bla ħlas, jew kif inhi magħrufa bħala l-Karta r-Roża.
Dan sar possibli għax tneħħiet il-ħtieġa li dawn l-anzjani jkunu soġġetti għal means testing.
Persuni oħra li jirċievu l-istess għajnuna jsiru eliġibbli wkoll hekk kif jagħlqu t-80 sena.
Il-benefiċċjarji huma fost dawk li minn din is-sena bdew igawdu minn rati ogħla tal-Għajnuna Supplimentari.
Intant intqal kif il-pensjonanti romol sa issa ma kinux intitolati għall-pensjoni sħiħa li kellhom il-konjugi tagħhom qabel mewthom, iżda 5/6 biss tar-rata ta’ dik il-pensjoni.
Din l-anomalija ser tispiċċa għax minn din is-sena beda proċess biex b’mod gradwali jsir aġġustament li jwassal biex finalment r-rata tkun l-istess li jkollhom il-konjugi tagħhom qabel mewthom.
Madwar 12,000 persuna qed jgawdu minn dawn l-aġġustamenti.
Il-Ministru ħabbar ukoll kif in-nefqa globali fuq il-pensjonijiet kontributorji u mhumiex kibret b’€489 miljun, jew 86%, għal biljun u disgħa u ħamsin miljun ewro.
Dan ifisser li l-pensjonijiet kważi żdiedu bid-doppju mill-2013 sas-sena 2021.