Fl-aħħar sentejn, minn kemm ilha li twaqqfet l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, ittieħdu madwar disa’ mitt (900) azzjoni ta’ infurzar f’siti ta’ kostruzzjoni.
Is-sena l-oħra, saru kważi 10,298 spezzjoni mill-BCA; fejn inħarġu 129 multa, filwaqt li twaqqfu x-xogħlijiet fi 350 sit.
Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, fi tweġiba parlamentari.
Minn din l-informazzjoni ħareġ ukoll li fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena saru 3,089 spezzjoni, 119 weħlu multi, waqt li twaqqfu x-xogħlijiet f’133 sit.
Dwar l-ispezzjonijiet mill-BCA, ONE News tkellem mal-uffiċjal tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, Martin Farrugia.
Huwa qal, “L-għan prinċipali tal-ispetturi tagħna huwa li jaraw li hemm barra dawk ir-regolamenti li jappartjenu lill-BCA jiġu osservati. Prinċiparjament bħala BCA għandna żewġ għanijiet prinċipali li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent mill-ġirien u anki li titnaqqas il-ħsara ambjentali fuq tal-madwar.”
Huwa spjega li x-xogħol tal-ispetturi tal-infurzar huwa li jinnutaw l-irregolaritajiet, apparti li jiċċekkjaw li għandhom id-dokumenti neċessarji, hekk kif dawn irridu jiddaħħlu minn tal-inqas ħmistax qabel jibdew ix-xogħlijiet.
Hemm ukoll spezzjonijiet dwar jekk hux jinkisru regolamenti mill-aspett ambjentali, fosthom li ma jkunx hemm tniġġis tat-trabijiet u ta’ ħsejjes żejda.
Intqal li huma jaħdmu f’kollaborazzjoni mal-Awtorità tas-Saħħa u tas-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, biex f’każ li jsibu ħaddiema fil-periklu, jinfurmawhom biex jittieħdu l-passi neċessarji.
Farrugia spjega t-tip ta’ passi li jittieħdu mill-Awtorità f’dawn il-każijiet.
Stqarr, “Waħda hija twissija, hemmhekk nagħtu perjodu lil min ikun qed jikser xi regolament minn tagħna, intuh żmien biex jiġi konformi l-pożizzjoni tiegħu. Għandna każijiet oħra fejn il-liġi ttina li nippenalizzaw mal-ewwel, there and then, u għandna wkoll miżura oħra fejn nistgħu noħorġu avviz ta’ infurzar.”
B’din tal-aħħar tfisser li jista’ jitwaqqaf ix-xogħol immedjatament, waqt li jinħarġu multi fuq ix-xogħol ħażin li jkun sar.
Qal, “Multi jvarjaw, għandna jibdew minn mijiet, anki jitilgħu sa għexiren ta’ eluf. Riċentament kellna sit partikolari fejn il-penali li ħriġna jaqbżu l-€10,000.”